Il-veru bidla trid tibda mill-Partit Nazzjonalista nnifsu
Blog post minn osservatur politiku
Il-Partit Nazzjonalista ħareġ bis-slogan tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li ġejja u qed jistieden lin-Nazzjonalisti kif ukoll oħrajn li huma mdejqin bil-partit fil-Gvern, biex ikun il-bidla miegħu. Il-Partit Nazzjonalista ħalla din is-slogan vaga. Għaliex? Għax jista’ jkun hemm żewġ tipi ta’ bidla. Dik li suppost tkun mixtieqha b’mod awtomatiku, jiġifieri l-bidla fil-gvern jew fil-poter. Imma hemm ukoll dik il-bidla li ilhom jistaqsu għaliha tant votanti Nazzjonalisti, dik li l-Partit Nazzjonalista jinbidel internament.
Kif inhu kompost il-Partit Nazzjonalista llum, qed jirrifletti negattivita, qed iġib miegħu stampa kerha ta’ telfiet, waħda wara l-oħra għal dawn l-aħħar 13-il sena, minn wara l-2008. Ħafna votanti tal-partit ilhom jibagħtu messaġġi li jekk mhux se jkun hemm tindifa minn ġewwa, jkun inutli li jkun hemm tindifa minn barra.
Il-partitarji tal-partit jixtiequ jaraw kanċellazzjoni ta’ ħafna ismijiet minn kandidati tal-partit. Iridu jaraw lil dawk li kienu fl-esekuttiv ta’ Gonzi, jitwarrbu jew jiġu mitluba jagħmlu diversi passi lura u jdendlu x-xugaman politiku tagħhom, dejjem għal ġid tal-partit. Imma skond l-istess website ġdida li għadu kif nieda l-Partit Nazzjonalista, barra Therese Comodini Cachia u forsi Claudio Grech, d-deputati kollha se jerġgħu jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li ġejja. Xi jfisser dan?
Dan ifisser li dawk l-uċuh li huma marbutin mad-disfatti tal-aħħar snin reġgħu se jkunu fuq il-karta tal-vot u mingħajr mistħija ta’ xejn qed jerġgħu jitolbu l-vot tagħna wara dawk it-tkaxkiriet li ħallewna misluħa tul dawn l-aħħar snin. Imma la l-amministrazzjoni ma kienetx kapaċi tagħmel dmirha, qed iħallu l-azzjoni tagħna titkellem. U hekk hemm bżonn li nagħmlu. Mela li l-Partit ma kienx kapaċi jwaqqaf lil dawk l-uċuh kollha li huma mċappsin ma’ daqstant telfiet, se jkun dmirna li lil dawn in-nies ninsew isimhom u ma niktbu ebda numru ħdejhom.
Minn wara l-2013 l-Partit Nazzjonalista bidel tliet Kapijiet. Ebda wieħed minnhom ma ndenja ruħu jqalfat il-barra nies li fissru damdim elettorali u speċjalment kienu dawk li rribellaw kontra Kap tagħhom. Fi żmien Simon Busuttil dan ma ħa ebda azzjoni biex inaqqas minn dawn id-dinosawri biex jidħol biċ-ċans. Għall-kuntrarju l-għajta tal-korruzzjoni kienet qed tintgħamel minn dawk il-vuċijiet li kien ilna nisimgħuhom snin u Busuttil kull ma għamel kompla tahom il-pjattaforma biex ikunu miegħu fuq quddiem kontra l-korruzzjoni.
Wara tfaċċa Adrian Delia, li b’dawk l-intenzjonitajiet tajba kollha, sab attakk frontali kontra tiegħu mill-istess nies li xtaq iwarrab. B’attakki bħal dawk minn klikka magħquda u mmexxija minn nies li mhux suppost waslu sa hemm, ma setgħax jieħu deċiżżjonijiet drastiċi għax kien jispiċċa ħażin ma ta’ madwaru kollha. Fil-fatt, meta tħares lura, tgħid li kien ikun ħafna aħjar, kieku ħa d-deċiżjonijiet li tant kienu mixtieqa.
Spiċċa twarrab xorta waħda u daħal Bernard Grech. Dan, lanqas kieku ried, ma setgħax u ma jistgħax jieħu ebda deċiżżjoni kontra din il-klikka, għax kienet il-klikka stess li poġġietu hemm. Mhux talli hekk talli reġa’ tahom saħħa enormi u jiddefendihom kull opportunita’ li jkollu.