Għaliex il-Partit Nazzjonalista għadu ma qabadx art quddiem dawn l-iskandli kollha?

Blog post minn osservatur politiku

Huwa veru tal-iskantament kif partit fil-gvern li għandu mwaħħlin miegħu affarijiet li ma tantx huma sbieħ, jibqa’ minn fuq qisu għadu jibda l-ewwel leġislatura tiegħu. Wara li għaddew aktar minn tmien snin imżewqin b’elenku ta’ affarijiet koroh u jintnu, u xorta għadu fuq quddiem qisu xempju ta’ verġinita’ u trankwillita.

Meta jiġri hekk tkun trid tħares x’qed jagħmel ħażin il-Partit fl-Oppożizzjoni li għadu ma qabadx art quddiem dawn l-iskandli kollha. Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li kienet kixfet ħafna skandli magħmulin minn membri fil-gvern jew ħbieb tagħhom kellu ikun biżżejjed biex il-partit fil-gvern jibda jżappap u jitlef.

Tkompli iżżid ma’ dan l-proġett tal-Electrogas u l-proġett tal-Vitals u suppost il-Gvern Laburista kellu jkun għarkubbtejh. Dawn it-tlieta biss, ukoll kellhom ikunu biżżejjed biex jissallab il-partit fil-gvern. Imma affarijiet tal-iskantament, dawn l-iskandli kollha u ma kellhom ebda effett fuq ir-renju tal-Gvern qalb il-poplu Malti u Għawdxi.

Fuq dawn iż-żewġ proġetti hemm involuti miljuni kbar ta’ Euro, imma qisu ma ġara xejn. Barra minn hekk qed kull ma jmur jirriżulta li kien hemm konnessjonijiet diretti ma’ Kastilja. Għalhekk l-iskantament kif il-gvern għadu għaddej qisu dawn l-allegazzjonijiet jew fatti ma humiex imċappsin miegħu. L-elezzjoni tal-2017, għalkemm il-korruzzjoni kienet rampanti, xorta l-Partit Nazzjonalista qala’ l-akbar tkaxkira mmaġinabbli.

Ir-raġuni prinċipali kienet l-għajta tal-korruzzjoni. Kienet għajta li l-poplu ma kienx entużjast jisma’. Kienet l-għajta li ħonqot il-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Grazzi ta’ din l-għajta fid-deżert, li l-ebda persuna madwar Simon Busuttil ma xammet, il-Partit Nazzjonalista ssogra l-iżvinar totali tiegħu. Minn dik in-nhar il-Partit Nazzjonalista għadu ma qabadx art.

Fl-2017 tela’ xi ħadd ġdid li xtaq jibdel l-istil tal-politika, imma numru mdaqqas ta’ deputati u l-akkolti kollha tagħhom, ma xtaquhiex din il-linja ta’ ħsieb u rribellaw sa meta waslu biex qalftu lill-kap tagħhom stess. Illum b’kap ġdid l-istorja li qed tinkiteb hija fotokopja ta’ dak li kien qed jagħmel Simon Busuttil.

Tgħajjir biss lill-partit fil-gvern bil-ħsieb li jitkisser il-gvern u ninsew id-dmir ta’ partit fl-oppożizzjoni li joffri, b’mod professjonali, possibbilita’ ta’ gvern alternattiv. S’issa din għada ma saritx u ma tantx qed tidher li se tkun tista’ ssir. Barra minn hekk hemm problema kbira li meta tħares lejn il-kandidati għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, ssib li dan il-partit ma jridx jagħti każ tal-għajta tas-sostenituri tiegħu, li nieqes minn kandidati ta’ stoffa.

Għadhom ma tgħallmux minn numru kbir ta’ telfiet li ilhom ilaqqtu mill-2008 ‘l hawn. Waqt li għaddejjin dawn l-affarijiet kollha l-Partit Laburista bidel il-mexxej tiegħu waqt li l-Partit Nazzjonalista bidel il-kap tiegħu. Imma l-problemi baqgħu hemm. Mal-bidla tal-Prim Ministru ebda skandlu ma ġie ndirizzat biex forsi jinxteħet wara dahar il-pajjiż. L-oppożizzjoni qed tibgħat messaġġi kontinwi li ma teżisti ebda ispirazzjoni min-naħa tagħha. Il-partit fil-gvern qed isib problemi kbar biex jinqata’ mill-viċinanza tal-ex-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Partit Nazzjonalista flok ħa ċertu distanzi, kompla jsaħħaħ l-affinita’ mas-soċjeta ċivili, li kienet parti mill-ħadma li l-klikka valenuża wettqet fuq il-Partit Nazzjonalista. Anke jekk sar xi ġid miż-żewġ partiti fuq affarijiet varji, qabel ma l-Partit Laburista ma jinqata’ darba għal dejjem mill-amministrazzjoni Muscat mhux se naraw jinfirxu kif suppost il-ġid li seta’ twettaq għax il-ħażen għadu hemm u mid-dehra se jibqa jirrenja.

Fil-waqt li l-Partit Nazzjonalista jekk mhux se jkun kap tiegħu nnifsu, ma jkollux irbit ma’ Repubblika et al u mhux se jippurifika ruħu mill-għanqbut għajjien u antik, mhu qatt se jara xaqq dawl ta’ tama. Donnhom iż-żewġ partiti kuntenti bl-istatus quo. Donnu ma hemmx enerġija biżżejjed biex it-tnejn li huma jiffaċċjaw ir-realta’ u jieħdu azzjonijiet biex ifejqu s-sitwazzjonijiet relevanti.

Leave a Reply