Għaliex il-frażi “partit tal-kriminali” hija infeliċi

Blog post minn osservatur politiku

Il-Ħadd filgħodu Dr Bernard Grech kien qed jagħmel is-solitu priedka ta’ nhar ta’ Ħadd billi wieġeb diversi mistoqsijiet. Stajna nindunaw kif il-mistoqsijiet kienu preparati minn qabel għax ġew moqrija, kelma b’kelma, minn min kien qiegħed jintervista. Imma aktar minn hekk, Dr Grech kellu quddiemu punti mniżżlin biex jissemmew fit-tweġibiet li jkun qed jagħti. Sa hemm ma jimpurtax.

Imma meta jkun qed jisħon xi daqsxejn biex jgħaqqad flimkien ir-risposta preparata tiegħu, ma għandux għalfejn jitmasħan u jgħid affarijiet li ma jistħoqqx li jkunu mlissna. Ħalli nagħti kelma b’kelma parti minn tweġiba għal mistoqsija li kienet tittratta l-aħbar dwar l-allegata kumpanija tal-Partit Laburista li minnha kien se jdaħħal kemxa flus tajba. Din li ġejja hija parti mit-tweġiba:

“… il-Partit Laburista jasal biex jagħmel minn kollox biex jieħu l-poter. Dawn jaħsbu illi l-poter huwa tagħhom u għalihom dejjem. Dawn in-nies ma jistgħux jaffordjaw li ma jkunux fil-poter, għaliex fil-poter huma, u bil-poter, jistgħu jkomplu jikkontrollaw l-istituzzjonijiet biex huma jistgħu, sħabhom u anke huma, jagħmlu li jridu. Imbagħad fejn għandek liġijiet bħal whistleblower, per eżempju, jintużaw. Taf meta ntużaw? Darba. Taf fejn intuzaw? Intużaw kontra Giovanna Debono, li llum il-qrati tagħna kkonfermaw għal darba, darbtejn, anke fl-appell li din kienet montatura, din kienet gidba illi qatt ma kellha titressaq ‘l quddiem. Tal-mistħija. Dan huwa partit ta’ kriminali li jużaw il-liġi biex joqtlu lin-nies. Dawn jużaw il-liġi biex jassassinaw lin-nies …….

Dan huwa kliem li ma għandux jintqal, speċjalment minn kap ta’ partit. Dan suppost għandu jagħti l-eżempju u joqgħod lura li jagħmel insinwazzjonijiet perikulużi. Meta uża l-frażi ‘partit ta’ kriminali’ ma kienx qed jgħid biss it-tmexxija jew l-esponenti tal-partit, imma kien qed jixħet fl-ixkora lil kull min ivvota lill-Partit Laburista għax dawk jagħmlu partit. Mhux sewwa li tindirizza lin-nies, għax avversarji, b’dak il-mod.

Dak li din il-frazi u ċerti diskorsi oħra qed juru huwa li Dr. Bernard Grech ma għandux team tajjeb madwaru biex jagħmillu d-diskorsi politiċi tiegħu. Eddie Fenech Adami kellu lil Fr. Peter jagħmillu d-diskorsi tiegħu. Dik il-figura llum hija nieqsa mill-Partit Nazzjonalista u r-riżultat qiegħed hemm biex jarah kulħadd.

One thought on “Għaliex il-frażi “partit tal-kriminali” hija infeliċi

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *