Bernard Grech jgħid li “il-ġlieda ta’ Adrian Delia kontra il-Vitals hija waħda tal-partit kollu”

Blog post minn osservatur politiku

Il-Ġlieda Ta’ Adrian Delia Kontra Il-Vitals Hija Waħda Tal-Partit Kollu”, qalilna Dr Bernard Grech meta kien qed jirrispondi mistoqsijiet dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar is-settur tas-saħħa, fl-Imqabba. Fuq hekk nistgħu naqblu żgur ma’ Dr Grech!

Imma għala din qed tintqal issa? Milli jidher, Dr Adrian Delia jista’ jerbaħ il-kawża tiegħu, u b’hekk kulħadd irid jingħaqad miegħu. Imma għala, daqshekk avukati fil-Partit Nazzjonalista ma ngħaqdux miegħu qabel? Jistgħu jagħtuna raġuni waħda għaliex ma jngħaqdux ma’ Dr Delia meta fetaħ il-kawża waħdu? Jistgħu jispjegawlna minn xix beżgħu meta Dr Delia staqsihom biex jingħaqdu miegħu? Jistgħu jgħidulna għaliex lanqas darba ma kienu preżenti fil-qorti kull darba li tresqet il-kawża? Jistgħu jgħidulna llum għalfejn iridu li l-kawża tiġi mifruxa fuq il-partit kollu?

F’din is-sessjoni ta’ Q&A, Bernard Grech kien mistoqsi dwar l-isptarijiet tal-Vitals. Wara li ta r-risposta tiegħu huwa kompla hekk u se nikkwota kelma b’kelma dak li qal:

Jekk tippermettuli wkoll, għax inkun qed nonqos jekk ma nagħmilx dan. Hawnhekk ukoll insellem lil Adrian Delia, illi anka f’dan is-sens, għamel u qiegħed jagħmel anka ġlieda importanti kontra dawn il-kuntratti u allura jien se nibqa’, kif inhuwa id-dmir tiegħi bħala kollega u anka Kap tiegħu f’dan il-Partit, nagħtih l-appoġġ meħtieġ għaliex il-ġlieda tiegħu hija l-ġlieda tagħna, il-ġlieda tiegħu hija l-ġlieda tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Jekk jirbaħ hu nerbħu lkoll, jekk jirbaħ hu jerbħu l-laburisti, jerbħu n-nazzjonalisti, jerbħu l-floaters, nerbħu lkoll. Il-ġlieda tagħna m’ihiex biss ġlieda legali imma hija wkoll ġlieda politika, rieda sħiħa li l-wegħda tiegħi nwettaqha mill-Gvern bħala Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż.

Wieħed jieħu gost fuq dan il-fatt għaliex jidher li hemm tibdil ta’ kif sezzjon tal-Partit Nazzjonalista tħares lejn Adrian Delia. Infakkar li kien hemm pressjonijiet kbar minn dawk ta’ madwar Bernard Grech biex Adrian Delia ma jissemmiex. Mela meta kien f’waqtu li l-kap tal-Partit Nazzjonalista isellem lil Adrian Delia għax huwa biss, waħdu, ħareġ għonqu biex jirregala lura lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, l-isptarijiet.

F’din il-ġlieda qaddisa ma sab għajnuna minn għand ħadd. Ebda paladin tad-demokrazija ma mar jagħtih sostenn. Biss nispera li dan hu għarfien ġenwin u mhux xi sajda għall-voti għaliex il-partit kellu kull possibilita’ li jingħaqad fil-ġlieda mill-bidu tagħha imma beża’ u beżgħu dawk id-deputati kollha, speċjalment l-avukati. Dr Delia refa’ r-responsabilita waħdu. Grazzi Dr Delia għal dak kollu li qed tagħmel f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.

Leave a Reply