Tmien raġuni għala l-Partit Nazzjonalista għandu jkun fuq quddiem mal-elettorat

Blog post minn osservatur politiku

Il-gazzetta Illum elenkat tmien raġunijiet li minħabba fihom suppost il-Partit Nazzjonalista qiegħed fuq quddiem. Huma tmien raġunijiet li Dr Bernard Grech irid jaħseb fuqhom u jistaqsi lilu nnifsu, għaliex b’dawn ir-raġunijiet favur tiegħu, għadu ma għamel ebda pass ‘l quddiem mal-elettorat. Dawn huma raġunijiet validissimi li suppost għerrew lil kull partit li jkun qed imexxi, imma l-partit fl-oppożizzjoni ma rnexxielu jakkwista xejn minnhom.

L-elezzjoni tal-2017 intrebħet b’ammont kbir ta’ voti, kontra kull mistenni. In-Nazzjonalisti ħasbu, b’mod ħażin ħafna, li l-korruzzjoni kienet qerdet kull tama li kellu l-Partit Laburista li jerbaħ l-elezzjoni. Biss wara dik l-elezzjoni storika kien hemm il-qtil makabru ta’ ġurnalista li riegħed il-pajjiż. Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kellu jkun raġuni biżżejjed biex il-Partit Nazzjonalista jkun fuq quddiem. Barra dan il-qtil kien hemm dak li kixfet Daphne.

Mela it-tieni raġuni kienet il-korrużżjoni li għeżżet it-tmexxija tal-pajjiż, għax kienet ukoll ippenetrat Kastilja. Anke dan il-ħmieġ ġo Kastilja kellha tkun raġuni validissima għaliex suppost il-Partit Nazzjonalista llum qiegħed bir-riħ in-poppa u għaddej b’numri favorevoli ħafna.

Wara dawn kien hemm it-tielet raġuni, il-bejgħ tal-isptarijiet lill-Vitals. Skandlu enormi ta’ infiq esaġerat ta’ miljuni li rriżultaw sparpaljati u ma akkwistaw ebda riżultati. Illum għadhom ħerġin il-miljuni u ma hu dieħel xejn għajr ħafna dubji fuq dak li suppost qed isir jew dak li jista’ jsir.

Ir-raba’ raġuni hija li l-Partit Laburista tilef ir-ruħ soċjali tiegħu. Donnu l-Gvern Laburista ta’ kull żmien kellu din il-manija li jitlef ir-ruħ soċjali. Dan qed ngħidu għax niftakar tajjeb il-kliem ħiereġ minn fomm Duminku Mintoff fl-1998 meta kien jgħajjar lil Alfred Sant li kien tilef il-boxxla soċjali. Anke issa kemm Joseph Muscat kif ukoll Robert Abela donnhom tefgħu r-ruħ soċjali taħt it-tapit. Mhux sinjal sabiħ li partit politiku jitlef dan it-tħaddin mal-poplu. Ir-ruħ soċjali hija dik li tressqek għall-popolarita’ tal-votant.

Erba’ raġunijiet li kellhom ipoġġu lill-Partit Nazzjonalista fuq quddiem fit-tellieqa għall-gvern fl-elezzjoni li ġejja, imma indikazzjonijiet fis-surveys riċenti li għadu lanqas beda jaqbad art.

Raġuni prinċipali oħra li l-mexxej kariżmatiku li ħoloq moviment li bih sallab lill-Partit Nazzjonalista, illum ma għadux hemm. Dan suppost li bil-mod li bih kellu jżarma, kellu jiżżarma miegħu l-partit tiegħu. Imma warrab hu u xorta l-partit tiegħu għadu mhux biss fil-wiċċ imma jsallpa fuq l-isbaħ dgħajsa. Joseph Muscat waqa’ b’mod ikrah mit-tron tiegħu u xorta għad hemm kważi żewġ terżi tal-votant Laburista li jixtieq jarah jerġa’ jikkandida ruħu. Miegħu ma ntemm xejn. Hekk ħasbu n-Nazzjonalisti li kif jeqirdu lilu, jkissru l-partit tiegħu. Imma mhux hekk ġara għax għalkemm ma hemmx Joseph Muscat, il-Partit Nazzjonalista ma kellux il-kapaċita’ li jirkeb fuq din it-traġedja ta’ Muscat u javvanza bħala partit.

U marbut mat-taqlib li ġab miegħu Muscat kien hemm is-sit raġuni, ir-riħ tal-bidla. Dan ir-riħ nefaħ imma l-Partit Nazzjonalista ma fetaħx il-qlugħ biex jimxi ‘l quddiem miegħu. Il-Partit Nazzjonalista donnu flok żied mal-qawwa tar-riħ tal-bidla, ankra. Flok nagħqad u rebaħ, infired u tkisser. Flok rikeb ir-riħ, indifen taħt id-dgħajsa. Imbagħad l-għorrief strateġisti li għandu l-Partit Nazzjonalista joqgħodu jifirħu bihom infushom għax mexjin. Nistaqsi mexjin lil fejn, ‘l quddiem jew lura?

L-Illum tatna s-seba’ raġuni għaliex suppost il-Partit Nazzjonalista għandu jirbaħ l-elezzjoni li ġejja. L-Illum tħares lejn l-ambjent li ġie rrovinat minn dan il-Gvern f’dawn l-aħħar tmien snin. Dan ġara għax il-partit fil-gvern ma tefax importanza fuq l-ambjent. Issa li beda jaħseb fih, qed jinduna li tilef ħafna snin ta’ ħidma fejn jidħol is-salvagwardar tal-ambjent. Dak li teqred mhux faċli ġġibu lura. U hekk qed jiġrilu dan il-gvern. Imma għal darba oħra l-Partit Nazzjonalista ma akkwista xejn minn dan kollu. Issa ħolom u vara PNGreens. Too little too late sinjuri tal-Partit Nazzjonalista.

It-tmien raġuni li ħass li kellu jniżżel l-Illum hija li pajjiżna daħal fil-lista l-griża. Kieku l-Partit Nazzjonalista jaf x’qed jagħmel, fuq din biss kien jagħti d-daqqa mortali lill-partit fil-gvern. Imma le, l-Partit Nazzjonalista ried jilgħabha tal-cowboy u qal li hu jaqla’ lill-pajjiż minn fuq din il-lista fi żmien tliet xhur. Flok poġġa saqajh ma l-art u fassal pjan ta’ azzjoni, le ħareġ bil-ħrafa ta’ tliet xhur u flok saħħaħ lilu nnifsu tkisser hu.

Daqstant raġunijiet, għax hemm iżjed x’wieħed iżid, li grazzi għalihom suppost il-Partit Nazzjonalista diġa’ rikeb fuq ir-riħ tal-bidla u fuq ir-riħ tar-rebħa imma minflok, daqstant biskuttini f’ħalq il-ħmir.

Leave a Reply