Where your opinion counts

Il-viżjoni ta’ Eddie Fenech Adami għal Malta tkompli tħalli l-frott

Blog post minn osservatur politiku

Kemm għandhom ikunu grati l-Maltin u l-Għawdxin għall-viżjoni ta’ Eddie Fenech Adami u l-Gvern tiegħu li ħasbu, ħadmu u rnexxielhom idaħħlu lil Malta fl-Unjoni Ewropea. U dan ma għamluhx għax kellhom xi fissazzjoni huma, imma dan għamluh wara li staqsew lill-poplu f’referendum għax din kienet deċiżjoni li kienet se tolqot lil kull Malti u Għawdxi. U l-poplu rrisponda u qal iva għas-sħubija u ma tax każ l-Iżvizzera fil-Mediterran.

Kemm għandna għaliex inkunu grati lejn dawk l-imħuħ li mexxewna f’dik it-triq. U llum għax m’aħniex makku għandna lill-Prim Ministru ta’ pajjiżna jpoġġi fuq l-istess mejda tal-membri kollha. Għandna kap tal-gvern li jmur u bi dritt jinnegozja għall-flus li Malta tista’ takkwista għall-ġid tal-poplu kollu. Grazzi għal dan kollu TVM għadu kif xandar li se tiġi Malta, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola Von der Leyen. Din se tkun Malta l-Ħamis 16 ta’ Settembru 2021 biex tibda tagħti l-ewwel pagament lill-pajjiżna minn €345 miljun allokati mill-Unjoni Ewropea.

Dawn il-flejjes huma parti mill-pjan ta’ rkupru u reżiljenza approvat mill-Kummissjoni Ewropea stess biex pajjiżna jirkupra mill-effetti ekonomiċi li ħalliet fuqna l-pandemija. Ebda balena ma belgħetna. Ebda pajjiż kbir ma kissirna. Ebda ħadd ma tellifna li niġġieldu għall-biċċa tagħna. U hekk hu, għax nhar il-Ħamis Von der Leyen se tiġi fostna biex personalment tippreżenta b’mod uffiċjali l-ewwel minn sensiela ta’ pagamenti lill-awtoritajiet Maltin.

Il-President Von der Leyen qed iżżur il-Pajjiżi Ewropei kollha biex tqassam l-ewwel partijiet ta’ dak li jmiss lil kull pajjiż wara li sar ftehim ma’ kull kap tal-pajjiż individwali. Bil-fors ikollok tiftaħar li aħna parti mill-Unjoni Ewropea. Kieku, għas-saħħa tal-argument, ma konniex parti minn din l-Unjoni, x’konna nagħmlu pajjiż waħdu? Min kien se jsostnina? Min kien se jgħina?

Dawn huma mumenti li kull wieħed u waħda minnha għandhom iħossuhom kburin li aħna parti minn dan il-klabb, u li qed nirċievu tant għajnuna minn għandu, li lilna jgħina naffrontaw il-problemi u d-diffikultajiet li affaċċjajna minħabba l-pandemija.

B’dawn il-flus li se tippreżenta lil Malta, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern Malti diġa ppreżenta l-pjan tiegħu, fejn se jitwettqu 17-il proġett u inizjattiva. Malta hija kommessa li 49% tal-fondi jindirizzaw l-ambjent bi proġetti marbuta mat-tibdil fil-klima, 26% mat-tranżizzjoni diġitali u riformi marbuta mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li saru mill-Kummissjoni Ewropea stess għas-snin 2019 u 2020.

Aħna kburin li aħna Maltin. Aħna kburin li aħna Ewropej. Aħna kburin li aħna parti mill-Unjoni Ewropea.

One thought on “Il-viżjoni ta’ Eddie Fenech Adami għal Malta tkompli tħalli l-frott

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *