Għaliex il-komunikazzjoni tas-Segretarju Esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista hija barra minn lokha?

Blog post minn osservatur politiku

Il-bieraħ, f’dan is-sit kienet ippubblikata l-komunikazzjoni mibgħuta minn Rudolph Marmara, is-Segretarju Esekuttiv Organizzattiv tal-Partit Nazzjonalista. Din ġiet mibgħuta lill-presidenti, segretarji u teżoriera tal-kumitati sezzjonali, lill-fergħat u lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista.

Kien hemm reazzjoni differnti għalija. Qrajt il-kummenti li saru fuq Facebook. Kien hemm min qal li sew qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, ħalli ma jkunx hemm konfużjoni. Kien hemm min argumenta li dan il-partit, sar qiesu l-Partit Kommunista tal-Korea ta’ Fuq. Min-naħa tiegħi, meta qrajtha, għidt li s-Sur Marmara nesa’ jitfa’ ftit zokkor fuq ilsienu meta bagħat din il-komunikazzjoni. Ħaseb li qed jibgħat din in-nota qiegħed imexxi l-Partit Komunita’ ta’ Kim Il-Sung.

L-ewwel kliem ta’ din il-komunikazzjoni jgħid mill-ewwel li l-Partit Nazzjonalista qiegħed ‘in campaign mode’ għax qal “Issa li se jerġgħu jibdew isiru diversi attivitajiet”. Sinjal ċar li kulħadd inxteħet fuq il-kampanja elettorali tiegħu imma ħadd ma jista’ jorganizza xejn jekk ma jkunx hemm l-approvazzjoni uffiċjali tal-partit. Dan hemm bżonnu qabel saħansitra tiġi riklamata jew agħar qabel isseħħ l-attivita’.

Dan qed jintalab ħalli ħadd ma jorganizza xejn li jista’ b’xi mod jew ieħor jikkonċidi ma’ attivitajiet oħra li jista’ jorganizza l-Partit fuq livell nazzjonali, distrettwali jew lokali.

U hawn bdiet ġejja d-dixxiplina. Kemm kellu għalfejn juża d-dixxiplina qabel illum il-Partit Nazzjonalista! Kemm kellu għalfejn jgħajjat nies id-Dar Ċentrali qabel, biex forsi l-partit jieħu xi azzjoni kontra dawk li xerrdu tgħajjir u kattiverji lejn ħuthom Nazzjonalisti!

Jiġuni f’moħħi l-pastazata tal-kumitat sezzjonali ta’ Tas-Sliema, ir-riżenji en bloc ta’ kumitati sezzjonali, l-elezzjoni tal-esekuttiv u oħrajn. Imma issa se tibda’ tintuża d-dixxiplina għax ħoll xagħrek u ġib iż-żejt jekk xi ħadd jorganizza xi ħaġa mingħajr approvazzjoni tas-Segretarju Ġenerali u dak Esekuttiv.

Kemm tista’ tuża stili meta tikteb komunikazzjoni u tibgħatha lil xi ħadd. Kemm hemm modi ta’ kif tista’ tikkomunika. Imma li tuża ton aggressiv ma’ nies li ħafna minnhom huma voluntiera, hija xi ħaġa li ma missa qatt tintuża’. Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista l-anqas għandu llum nies biżżejjed biex jorganizza kampanja elettorali.

Imma jeżistu nies li meta jpoġġu għall-ewwel darba fuq pultruna bi ftit poter, ir-ras tikber u l-ilsien jitwal.

Leave a Reply

Your email address will not be published.