X’qal sena ilu Bernard Grech waqt il-kampanja elettorali għall-kap tal-Partit Nazzjonalista?

Blog post minn osservatur politiku

Dan iż-żmien jaħbat għeluq is-sena minn meta Dr Bernard Grech kien intervistat minn tliet ġurnalisti waqt il-kampanja tiegħu għal kap tal-Partit Nazzjonalista. Tajjeb li nerġgħu nagħtu titwiela lejn x’kien qalilna dak in-nhar u naraw fejn qiegħdin illum.

Huwa kien saħaq li biex il-Partit Nazzjonalista jkun relevanti hemm bżonn tal-għaqda. Huwa kien qal ukoll li l-partit irid jingħaqad biex jegħleb l-isfidi tal-klikek u tal-qsim bejn is-sostenituri tiegħu. Ta’ min jistaqsi llum. Kif inhi s-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fejn jidħol qsim tal-partit? Veru li llum hemm iżjed diviżjonijiet milli kien hemm sena ilu? Veru li l-klikka valenuża llum hija maqsuma f’aktar biċċiet milli kienet sena ilu? Veru li ħafna mid-deputati ma jitkellmux bejniethom u ma jkellmux lil Bernard Grech? Veru li l-kampanja tad-deputati għall-elezzjoni ġenerali li ġejja hija magħmula fuq individwalita milli kollettivita?

Sena ilu kien qalilna li l-Partit irid ikollu għan wieħed għall-ġid tal-Partit u tal-Pajjiż. Jista’ jgħidilna x’inhu dan il-għan illum? Jista’ jikkonferma jekk hux veru li kull kandidat għandu l-għan tiegħu u qed jaħdem għal rasu? Veru li dan il-għan, jekk jeżisti, ma rnexxilux jgħaqqad il-grupp parlamentari?

Is-sena l-oħra kien ikkritika li l-grupp parlamentari ma kienx jiltaqa’ regolarment. Jista’ jgħidilna kemm ilu ma jiltaqa’ l-grupp parlementari llum? Jista’ jgħidilna jekk hux veru li f’Awissu ma ltaqa’ qatt? Jemmen li għax hemm ħafna deputati ma jattendux, allura qed jinħolqu iżjed klikek, biex jikkonferma dak li kien qal sena ilu? Waqt l-intervista ta’ sena ilu, kien qalilna li hu ma jappartjeni għal ebda klikka u li kien impenjat li jressaq lil kulħadd madwar mejda. Kien ammetta li opinjonijiet differenti ma għandhomx iwasslu għal ħolqien ta’ klikek.

Huwa kien qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista m’għandux kunflitt ta’ ideoloġiji. Illum li nafu x’ġara fil-kampanja elettorali tiegħu u nafu wkoll, għax dehru, lil min kellu madwaru dak in-nhar, jista’ jerġa’ jirrepeti li hu ma kienx parti minn ebda klikka? Jekk jażżarda jirrispondi fil-pożittiv, allura dak in-nhar tal-għad tal-voti ta’ kap, għaliex kien imdawwar, u dan rajnieh b’filmat, minn deputati li kienu ġew flimkien biex iffurmaw klikka biex tkisser lil Dr Adrian Delia?

Jista’ jikkonfermalna meta l-aħħar dawwar lill-grupp kollu parlamentari madwaru mal-istess mejda? Jista’ jikkonfermalna mija fil-mija jekk hemmx kunflitti ta’ ideoloġiji fil-grupp parlamentari tiegħu? Bħala eżempju jista’ jgħidilna għaliex il-grupp parlamentari għadu ma ħariġx b’pożizzjoni unita dwar il-kannabis? Veru li ħafna mill-grupp ma humiex jaqblu ma’ Dr Grech għaliex dan qed jipprova jimponi l-ħsieb ta’ uliedu fuq il-grupp?

Sena ilu kien qalilna li kulħadd irid ikun jaf id-direzzjoni u kulħadd irid ikun konvint minnha biex il-partit ikun relevanti. Illum nistaqsi, liema hi d-direzzjoni waħdanija tal-Partit? Hija dik ta’ ‘kun il-bidla’, id-direzzjoni tal-Partit?

Waqt l-intervista ta’ sena ilu kien kompla jgħid li hemm bżonn induru lin-nies u nitkellmu magħhom għax kien hemm min gerger li kien ilhom 10 snin ma jiltaqgħu ma’ ħadd. Kif indirizza din is-sitwazzjoni Dr Grech? Ma min tkellem biex fisser hu kif qed jara li deputati u kandidati qed jiltaqgħu man-nies u jieħdu nota ta’ dak li qed jintqal lilhom?

F’dak id-dibattitu Dr Grech kien ikkonferma li Dr Delia kien sar kap b’mod demokratiku. Imma kien qal ukoll li l-elezzjoni li kien se jipparteċipa fiha hu kienet ukoll elezzjoni demokratika għax saret wara li l-kunsilliera riedu elezzjoni ta’ kap. Hu kien qal ukoll li wara l-vot ta’ kap kulħadd irid jimxi fuq l-għażla demokratika tat-tesserati.

Illum, meta tħares lura, jista’ Dr Grech jgħid li dik kienet elezzjoni demokratika, mibnija fuq ħsibijiet ċari u trasparenti, bżonnjuża u għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista? Meta jaf li kull vot ta’ sfiduċja fil-kap ta’ qablu kien mibni fuq kalunji u nuqqas ta’ verita li tbellaħ lin-nies, jista’ Dr Grech ikompli jgħid li l-elezzjoni kienet demokratika? Jista’ jgħidilna x’jaħseb illum, meta jaf li min ħareġ b’dawk il-kalunji kollha bela’ ilsienu u ammetta bil-miktub li kien gideb fuq Dr Adrian Delia? Għadu jħossu komdu jpoġġi fuq siġġu misruq minn għand kollega, li sar ħafna gidbiet fuqu u kieku dak il-gideb kollu ma ntqalx b’qerq, ma kienx ikollu għalfejn jersaq għal elezzjoni ta’ kap?

Leave a Reply

Your email address will not be published.