Jason Azzopardi ma jwiġibx kif ser ikun affettwat il-konsumatur mill-fond li l-Partit Nazzjonalista jrid jwaqqaf
Blog minn osservatur politiku
Jason Azzopardi flimkien ma’ Stanley Zammit taw konferenza stampa biex iħabbru numru ta’ proposti li huma favur l-industrija tal-manifattura, favur ir-retailers, favur il-kummerċ, frott ukoll ta’ proċess ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders.
Jason Azzopardi fetaħ din il-konferenza billi rrefera għall-ewwel proposta tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal hekk:
“l-ewwel punt. Kburi li dan il-partit qed jagħmel proposta mill-iktar radikali. This is bold. L-ewwel proposta tagħna li jitwaqqaf fond nazzjonali ta’ 40 miljun Euro biex ngħinu lill-industrija tal-manifattura, lill-SMEs, jgħelbu il-problema tal-insularita’, jiġifieri tal-konnettivita’, jiġifieri tal-ispejjeż extra illi huma għandhom minħabba li aħna gżira mdawrin bil-baħar. Ħa nagħmel storja twila fil-qosor, pero’ biex wieħed jifhem ‘l għaliex u għalfejn qed ngħid li din hija l-iktar proposta radikali, kuraġġjuża, bold, li kwalsiasi partit politiku f’Malta qatt ħareġ biha wara sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, favur is-settur tal-manifattura minħabba l-handicap strutturali li aħna għandna għax imdawrin bil-baħar.”
Tieħu pjaċir tismagħha u mill-ewwel jiġik f’moħħok li la se joħroġ il-flus il-gvern minn flus il-poplu, mela bil-fors wieġed jistaqsi x’se jgawdi l-poplu bi proposta interessanti bħal din? Fid-diskors li kompla għaddej bih Dr Jason Azzopardi, dan ma qalux, dan ma spjegahx. Meta wieħed jisma’ l-proposti, mill-ewwel imur f’moħħu x’se jibqalu l-poplu fil-but minn proposta bħal din, li tant hija radikali, kuraġġuża u bold.
Donnu l-ġurnalist tal-Malta Today, Luke Vella, kien qiegħed f’moħħi għax meta wasal il-ħin tal-mistoqsijiet huwa għamel din il-mistoqsija:
“Li xtaqt inkun naf rigward din il-proposta, kif ħa jagħmel il-Partit Nazzjonalista biex jiżgura li dan ir-roħs sostanzjali fit-transport cost jiġi rifless ukoll fil-prezzijiet tal-konsumatur, kif se nkunu ċerti li l-konsumatur at the end of the day ħa jibbenefika mal-prodotti?”
Jason Azzopardi wieġeb hekk:
“Grazzi. Domanda tajba ħafna, mela, hemm diversi modi kif jitħaddem il-fond. Mela l-ewwel, nimxu pass pass. L-ewwel importanza li wieħed joħroġ bi proposta, b’idea li tkun fattibbli, li tkun effettiva biex niġġieldu dan l-istructural handicap tas-sistematic handicap illi għandna minħabba li aħna qegħdin fil-periferija, hija xi ħaġa permanenti ovvjament għal raġunijiet li naħseb huma ovvji u għalhekk allura l-għajnuna finanzjarja da parti tal-Gvern, allura l-fond.
It-tieni punt nikkonvinċu lill-Unjoni Ewropea u għalhekk irridu r-rieda politika tal-Gvern. Jekk ma jagħmilhiex il-Gvern jagħmilha l-Partit Nazzjonalista jekk ikun mogħti l-fiduċja mill-poplu. Pero’ jien nemmen, aħna nemmnu, illi għandna nibdew minn issa, let’s strike while the iron is hot, kif jgħidu, u issa nitkellmu mal-Kummissjoni Ewropea bħala Malta, b’vuċi waħda u nikkonvinċu u hemm raġunijiet fattwali u legali għalfejn għandna nikkonvinċu.
It-tielet, il-mument illi dik tiġi mirbuħa u allura l-istate aid regulations u l-exemptions tal-istate aid ikunu applikabbli għal Malta, jiġi it-tielet pass, it-tħaddim tagħha. It-tħaddim tagħha hemm diversi modi. Wieħed mill-modi defenittivament senzaltru trid u aħna qiegħdin nimpenjaw bil-miktub hemmhekk illi ssir konsultazzjoni mal-istake holders, it-tħaddim tagħha, stakeholders kollha. Tkun ħaġa permanenti, jiġifieri ta’ kull sena. It-tielet, eżempju ħa nsemmielek just eżempju għax hemm diversi modi. On presentation of waybills, il-Gvern iħallas l-ispejjeż addizjonali tat-trasport u loġistika li jkun għamel l-imprenditur, ir-retailer konċernat fil-ġarr ta’ dik il-merkanzija. Dika tkun ħaġa li tkun allura faċilment verifikabbli u allura defenittivament ma jkunx hemm raġuni għala dak l-extra cost, li llum qiegħdin nitkellmu, huwa kkakulat illum bejn 30 u 40 miljun Euro, sewwa, fl-2016 kienet fl-ilma ta’ 20 miljun, illum qiegħdin noqorbu l-40 miljun. Kull sena extra costs li l-industrija u r-retailers kollha fil-pajjiż qiegħdin jonfqu sempliċiment biex jimpurtaw jew jesportaw għax imdawrin bil-baħar. Jiġifieri biex nagħti ċifra żgħira kemm hija importanti din l-għajnuna, l-industrija tal-manifattura f’Malta timpjega bejn wieħed u ieħor 1 minn kull 8 persuni li jaħdmu fis-settur privat. Bejn wieħed u ieħor 22,000. Immaġina what a shot in the arm tkun għal din l-industrija li timpjega 22,000 familja biex ma nsemmiex eluf kbar ta’ retailers u allura iva l-importanti pero’, Luke, l-importanti l-ewwel il-Gvern ikollu r-rieda, nikkonvinċu lill-Unjoni Ewropea, imbagħad l-aħħar pass ikun it-tħaddim. Pero’ l-importanti l-Gvern jaġixxi, l-inerzia tal-Gvern mhux qed tgħin għax kull sena Malta qed taqa’ lura. Grazzi ħafna. Nispera li weġibt bl-aħjar mod illi stajt id-domanda tiegħek.”
Ħa nirrispondi għall-isperanza ta’ Jason Azzopardi. Le ma rrispondejtx ir-risposta tal-ġurnalista. Għamilt ħafna kliem wara xulxin u t-tweġiba prinċipali li staqsik Luke Vella ma rrispondejtiex. Il-ġurnalist staqsiek x’se jkun akkwista l-konsumatur, il-poplu Malti u Għawdxi minn dan il-fond? Dik hija l-mistoqsija importanti, radikali, kuraġġjuża u bold. Imma int Dr Azzopardi ma rrispondejtiex. U l-poplu Malti u Għawdxi ma jafx x’se jakkwista b’din il-proposta li pajjiżna qatt ma ra bħalha f’dawn l-aħħar snin.