Il-media soċjali qed issir platform fejn dawk imweġġgħin jesprimu l-uġiegħ tagħhom u din tidher li qed tinkwieta liż-żewġ mexxejja l-kbar

Blog post minn osservatur politiku

L-editorjal tal-bieraħ il-Ġimgħa tal-Malta Independent kien dwar l-populiżmu fix-Xandir Nazzjonali. L-editur jitlaq mill-punt li wara l-break politiku tas-sajf. Hu fatt li din is-sena ma tantx inħasset il-pawsa tas-sajf fuq livell nazzjonali. Il-magna taż-żewġ partiti prinċipali baqgħet għaddejja għalkemm forsi mhux b’mod goff sa meta qbadna Settembru. L-editur jinnota li issa erġajna qbadna ritmu tajjeb fejn qed naraw iż-żewġ mexxejja tal-partiti l-kbar jersqu wara l-mikrofoni u jibgħatu l-messaġġi neċessarji.

L-isfortuna hi li jidher li hemm nuqqas kbir ta’ interess fin-nies li jisimgħu dawn id-diskorsi politiċi. Mal-bidu ta’ Settembru u max-xamma, veritiera’ jew le, li jista’ jkollna elezzjoni bikrija, qanqlet il-momentum taż-żewġ partiti, wieħed jipprepara b’attivitajiet għall-indipendenza u l-partit l-ieħor ħareġ bl-ideja ta’ konferenza fuq ħames t’ijiem u anki bi speċi ta’ meeting lejlet l-indipendenza xi ħaġa li qatt ma konna rajna bħala organiżżata mill-Partit Laburista.

Kif jgħid l-ingliż ‘pleasures yet to come’. Li hu żgur hu li l-elezzjoni qiegħda wara l-bieb u għalhekk qed naraw li l-magni propogandistiċi tal-partiti jingħataw iż-żejt. Issa nibdew nisimgħu u naraw liż-żewġ mexxejja, kull darba li jitfaċċaw mill-bieb il-barra, jibdew iħallulna xi messaġġ fuq xix naħsbu u nikkritikaw.

Robert Abela jaf li hu qiegħed fuq quddiem bis-saħħa tal-użu tajjeb tas-social media. Fil-fatt rajnieh jikkummenta fuq il-fatt li l-Partit Nazzjonalista qed jippruvaw jagħtu każ ta’ din il-media u qed jattakkaw l-aħbarijet pjuttost koroh li qed ikun hemm. Fil-waqt li Bernard Grech għadu jsemmi l-attakk ta’ miżinformazzjoni li kien hawn u li miegħu ngħaqdet ukoll il-media prinċipali nazzjonali.

Donnu li ż-żewġ partiti huma konxji li issa saret in-norma li kull min irid isemma’ leħnu u jikkritika partit jew ieħor, saret ħafna aktar faċli li dan isir minħabba l-faċilita’ tas-social media. Abela qed jgħid li ħafna nies qed jesprimu rabja qabel ma jivverifikaw jekk ikunx hemm verita’ qabel jesprimu ruħhom. Donnu dan qed isir mill-poplu biex jirkeb fuq in-narrattiva li qed jibni l-Partit Nazzjonalista basta jkebbes in-nar tal-kritika.

Għall-Gvern hemm ir-risposta tal-istazzjon nazzjonali li huwa kontrollat totalment mil-Gvern u l-poplu qed jisma’ biss dak li jkun irid jinforma l-partit fil-gvern. Tista’ tgħid li b’xi mod jew ieħor it-tnejn għandhom raġun. Min-naħa għandek l-Oppożizzjoni li donna se tibda tuża aktar l-arma tas-social media biex forsi takkwista xi ftit mit-telf enormi li għandha meta mqabbla mal-Partit Laburista fuq din il-media. Il-Partit Laburista se jibda’ jagħti każ iżjed ta’ dawk il-kummenti li qed joħorġu minn dan il-medium u jagħtihom l-importanza li jixirqilhom.

Xi ħaġa li tpoġġilek tbissima hija meta Abela qal li l-Partit Nazzjonalista qed ikun populist. Nafu kemm qed ikun iżjed populist il-Partit Laburista. Hemm eżempji ċari ta’ kemm-il darba tqassmu vouchers u affarijiet oħra b’xejn lill-kostitwenti f’dawn l-aħħar snin, dan kollu biex il-poplu jibqa’ bit-tbissima fuq fommu.

Huwa veru wkoll li x-xandir tal-iStat kull ma jmur qed ikun ħafna aktar imxaqleb lejn il-partit fil-gvern u qed jintuża bħala propaganda qawwija. Dan il-fatt diġa’ esperjenzajnih fi snin l-imgħoddija, imma forsi din id-darba qed ikun aktar profond. Il-poplu jistenna li, la dan ix-xandir huwa mħallas mill-poplu Malti u Għawdxi, għandu ikun bilanċjat bejn kull min għandu xi jgħid fuq livell politiku u mhux nisimgħu dejjem l-istess qanpiena. Biss kemm ser ikun effettiv? In-nies li jeħdu l-aħbarijiet mit-televizzjoni qed jonqsu. Is-social media hija sfera li qed tavvanza.

Biss xorta jibqa’ l-fatt li hemm aktar probabilita li nistgħu naslu għal-livelli agħar meta nafu li TVM2 se jkun qed ixandar kontinwament programmi ta’ aħbarijiet. Hawnhekk l-editur tal-Malta Independent juri t-tħassib tiegħu u b’hekk wieħed irid jistaqsi x’nistennew allura li nisimgħu fuq dawn il-programmi? Propaganda tal-partit fil-gvern? Bħala poplu nistennew aħbarijiet fidili għal dak li jintqal u mhux tidwir u tgħawwiġ tal-kliem. Din il-problema tax-xandir tal-iStat saret xi ħaġa tad-daħk jekk ma waslitx fi stat li tibda’ tressqek lejn il-biki. Hemm bżonn li tiġi ttimbrata sewwa, li dan ix-xandir aħna l-poplu nħallsu għalih u ebda partit fil-gvern.

http://www.independent.com.mt/articles/2021-09-10/newspaper-leader/TMID-Editorial-Populism-and-misinformation-6736236594

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *