Il-Partit Nazzjonalista jibdel il-verżjoni tiegħu dwar jekk ħax flus mingħand Yorgen Fenech jew le

Blog post minn osservatur politiku

F’Marzu li għadda Chris Peregin kien mistieden jagħmel intervista lil Dr Bernard Grech il-Ħadd filgħodu. Fost ħafna mistoqsijiet kien hemm waħda partikulari li kienet tgħid xi ħaġa hekk: “Smajna li l-PN taħt Delia rċieva flus mingħand Yorgen Fenech għal salarji tal-ħaddiema anke wara li kien magħruf li huwa s-sid ta’ 17 Black. Qed issir investigazzjoni interna, ħa tagħti dawn il-flus lura?”

Nixtieq nistaqsi lil Peregin x’qed jagħmel hu, bħala l-istrateġista prinċipali tal-Partit Nazzjonalista, dwar din l-istorja? Qed jitkellem mal-persuna inkarigata mill-finanzi biex jara eżatt meta u kemm ingħataw, jekk ingħataw, flus minn għand Yorgen Fenech? Jekk verament kienu ingħataw dawn il-flejjes meta se jikkonfermalna li kienu ngħataw u jekk ingħatawx lura? Fuq kollox, kif qed isir l-arranġament biex jitħallsu lura dawn il-flus? Sar xi arranġament mal-kumpanija ta’ Yorgen Fenech bħal ma sar mal-offiċju tal-VAT?

Qed ngħid dan għax dak in-nhar li Peregin għamel l-intervista lil Dr Grech, ir-risposta għall-mistoqsija miktuba aktar ‘l fuq kienet “Jekk ingħataw flus aħna dawk il-flus ma rriduhomx.” Kien ċar Dr Bernard Grech li ma riedx flejjes mingħand Yorgen Fenech, mela huwa importanti li l-Partit Nazzjonalista jkun ċar anke issa u jgħid jekk irċeviex flus verament u jekk u kif qed jagħtihom lura.

Imma issa għandna verżjoni differenti minn Mark Anthony Sammut li huwa l-President tal-Kunsill Ġenerali, l-għola organu fil-Partit Nazzjonalista. Bħala President tal-għola organu tal-Partit suppost dak li jgħid ikun viċin is-sewwa u mingħajr tidwir tal-kliem. Dan ma tkellimx f’xi każin tal-Partit, imma rrisponda mistoqsija wara li kien għadu kif wassal messaġġ waqt konferenza stampa.

Il-ġurnalista tal-ONE staqsa lil Mark Anthony Sammut “F’Marzu Bernard Grech kien qal li ser jagħti l-flus lura li ta Yorgen Fenech meta kienu jmorru għandu sħabkom sa ftit ilu. Tafu tgħidulna kemm tajtu lura sa issa?” Mark Anthony Sammut stqarr: “Mindu kien sar magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black, il-Partit Nazzjonalista ma daħħal l-ebda donazzjoni mingħand Yorgen Fenech.” Mela liema verżjoni se nemmnu? Dik li qal Bernard Grech li suppost ingħataw lura l-flus mogħtija minn Yorgen Fenech wara li kulħadd sar jaf li huwa s-sid ta’ 17Black. Jew il-verżjoni tal-President tal-għola organu tal-Partit Nazzjonalista, il-Kunsill Ġenerali, is-Sur Mark Anthony Sammut, li qal li l-Partit Nazzjonalista ma ħax donazzjonijiet minn għand Yorgen Fenech meta ħarġet l-aħbar li hu kien is-sid ta’ 17Black. Infakkar li dak iż-żmien, il-kap tal-partit kien Adrian Delia u fuq din l-istorja kienet saret kampanja kbira kontra l-istess Adrian Delia.

Mark Anthony Sammut f’din l-istess konferenza talab investigazzjoni kriminali fuq il-Partit Laburista dwar l-allegazzjoni li ħarġet fuq il-ġurnal The Sunday Times li kixfet kif kumpanija marbuta mal-Partit Laburista kienet ser tirċievi €200,000 fuq medda ta’ 33 xahar minn għand Yorgen Fenech. Biss ta’ min jinforma lil Mark Anthony Sammut li dan il-moviment ta’ flus, jekk kien se jseħħ dan l-avveniment, kien qed jaħmi ruħu qabel ma’ Malta saret taf li Yorgen Fenech kien is-sid ta’ 17Black.

Din l-informazzjoni ġġorr magħha piż kbir, għax qisu ż-żewġ partiti qed jagħmlu differenza meta ħarġet l-aħbar li 17Black kienet ta’ Yorgen Fenech. Fil-fatt il-kelliema tal-konferenza marru d-depot fejn talbu lill-Kummissarju tal-pulizija jinvestiga kif qed ikun iffinanzjat il-Partit Laburista.

One thought on “Il-Partit Nazzjonalista jibdel il-verżjoni tiegħu dwar jekk ħax flus mingħand Yorgen Fenech jew le

Leave a Reply

Your email address will not be published.