Il-pannelli fuq art agrikola: il-PN qed jgħid sew li mhux posthom fir-raba’ tagħna

Blog post minn osservatur politiku

Naqbel perfettament mal-kelliema waqt konferenza stampa li saret ġewwa l-Imġarr. Janice Chetcuti, Robert Cutajar u Edwin Vassallo qablu li l-politika tas-solar farms hija tajba. Imma ma jistgħux jaċċettaw li tagħmel solar farm fuq art li hija fertili għall-agrikoltura u li għadha tinħadem sal-lum.

Imma possibbli li hemm għalfejn neqirdu ħaġa biex nagħmlu oħra. Dan l-aħħar qed naraw jiżdiedu l-applikazzjonijiet għal solar farms fuq art tajba għall-agrikoltura, għalkemm min qed japplika jaf li solar farms ma jistgħux isiru fuq art agrikola. Saħansitra qed jintalbu solar farms fuq is-saqaf ta’ greenhouses. M’inhiex espert imma naħseb li l-prodott fil-greenhouse għandu bżonn ħafna xemx u jekk jitwaħħlu fuq greenhouse x-xemx tant bżonnjuża kif se tippenetra. Fi kliem ieħor, hemm żewġ strutturi kontra xulxin jikkompetu għall-enerġija.

Meta kienu qed jindirizzaw din il-konferenza l-kelliema marru ħdejn l-art fl-Imġarr u sewwa għamlu għax barra l-messaġġ tagħhom, hemm il-viżwal li kien jidher b’mod ċar li l-art warajhom kienet art agrikola. Possibbli li ma hemm imkien iżjed fejn isiru dawn il-farms? Possibbli li hemm bżonn tinqered 43,000 metru kwadru ta’ art tajba li tinħadem mill-bdiewa? Mhux diġa msallbin il-bdiewa, hemm għalfejn insalbuhom iżjed?

Il-kelliema huma konxji bil-ħafna applikazzjonijiet li hemm barra dik tal-Imġarr. Fosthom hemm il-Manikata, il-Mellieħa u Burmarrad. Dawn tliet lokalitajiet fejn l-art hija saqwija u tajba għat-tkabbir tal-prodott. Il-kelliema qed jissuġġerixxu li qabel jinħarġu l-permessi jaraw li l-applikazzjoni tkun ikkonsidrat il-kampanja tagħna u li ma jinqerdux għelieqi li jistgħu jinħaddmu.

L-Awtorita’ tal-Ippjanar ma jistax jgħid iva għal kull applikazzjoni mingħajr ma jistħarreġ il-ħsara li solar farm jista’ jagħmel fuq art agrikola. Ma jistax ikun li Gvern ibaxxi rasu għal kull rikjesta u ma jagħtix każ li minn dawk l-għelieqi hemm familji li qed jieħdu l-għajxien tagħhom. Kemm se ndumu nisirqu art fertili lill-bdiewa. Dawn għandhom dritt għax-xogħol tagħhom bħal kull Malti u Għawdxi ieħor.

Aħna l-poplu għandna wkoll dritt li naraw li l-bdiewa jaħdmu u jaqdu dmirhom mingħajr wisq tbatija u bl-aħjar mod, għax aħna wkoll għandna dritt nieklu mill-prodott bnin Malti. Il-Gvern ma jistax jaqbad u jiddeċiedi fuq il-premessa li għax ma laħaqx il-livelli meħtieġa ta’ eletriċita mix-xemx, jaqbad u jikkonċedi applikazzjonijiet li jeqirdu flok jgħinu.

Il-Gvern hemm bżonn li jimpenja ruħu biex isib soluzzjonijiet oħra mingħajr ma jeqred art ħawtiela għall-bidwi Malti. L-art agrikola għandha bżonn ta’ protezzjoni għax minnha rridu nkomplu nieħdu ikel frisk u bnin. Ma nistgħux biex nilħqu l-miri obligatorji tal-enerġija rinovabbli, neqirdu kważi l-uniku produzzjoni Maltija.

Flok nattakkaw l-għelieqi fertili għax ma nipproponux li jitpoġġew pannelli fuq il-fabbriki li nsibu f’Malta u Għawdex. Jekk tħares lejn lejn iż-żona industrijali ta’ San Ġwann, tinduna li hemm ħafna soqfa bla użu ta’ xejn. Għaliex dawn ma għandhomx jinksew bil-pannelli solari. Ħafna minn dawn il-postijiet huma propjeta tal-Gvern li allura għandu dritt jara kif jagħmel użu minnhom l-aħjar użu.

Allura għax ma għandhomx isiru?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *