Id-diskors sħiħ li qal Mark Anthony Sammut f’konferenza stampa li ta ma’ Charles Azzopardi: inħalli f’idejn l-opinjoni tagħkom dwaru

Blog post minn osservatur politiku

X’jurina dan kollu li sirna nafu propju il-bieraħ (fis-6 ta’ Settembru)? Niftakru li meta ftit tax-xhur, anzi snin issa ilu, kien sar magħruf li r-raġuni ewlenija għala sar il-proġett tal-electrogas, il-monument tal-korruzzjoni li hemm f’Marsaxlokk, ir-raġuni ewlenija tal-proġett li minnu l-poplu Malti qed jitlef il-miljuni li qed iħallas mill-kontijiet tad-dawl tiegħu, u r-raġuni prinċipali ta’ dan il-proġett kienet għax kien hemm ftit kumpaniji sigrieti fil-Panama li l-kontijiet tagħhom riedu jintlew, meta sirna nafu wkoll issa, anke iswed fuq l-abjad, mir-rapport tal-inkjesta li dan il-proġett kien waħda mir-raġunijiet ewlenin, jekk mhux ir-raġuni ewlenija, għala nqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Meta sirna nafu dan kollu, l-Partit Laburista kien prova ibellagħhielna illi dan il-proġett kien ħadma ta’ Joseph Muscat, ta’ Keith Schembri, ta’ Konrad Mizzi, kien ħadma ta’ ftit individwi, u li l-kumplament tal-partit ma kien jaf b’xejn, anzi tant kien mbeċilli l-kumplament tal-Partit, li ma kien ndunaw b’xejn li qed jiġri fuq dan il-proġett. Illum qed naraw kif mhux talli l-Partit Laburista ma kienx innoċenti, imma talli l-Partit Laburista kien involut direttament biex anka hu, mis-sid ta’ dan il-proġett, idaħħal sehmu fil-finanzjamnet tiegħu.

Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona, Yorgen Fenech u l-kumplament, ma setgħux jagħmlu dak kollu li għamlu mingħajr l-appoġġ dirett tal-amministrazzjoni tal-Partit, tal-Gvern ta’ dak iż-żmien u tal-grupp parlamentari kollu. Infatti l-inkjesta pubblika wkoll sabithom kollettivament responsabbli għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa ċar li din kienet sistema organizzata ta’ kriminilita organizzata, ta’ struttura ta’ nies jixxaħmu, ta’ nies lesti jinxtraw f’pożizzjonijiet ewlenin, ta’ nies lesti li jagħlqu għajnejhom f’ċerti pożizzjonijiet kritiċi, ta’ banek li jħallu tranżazzjonijiet suspettużi għaddejjin, ta’ nies li meta ħassew il-bżonn kienu anke lesti joqtlu.

Infatti niftakru li anke mix-xhieda li ħarġet mill-allegati qattiela, meta bdew iħossu l-biża illi dawn jiġu arrestati, marru jsibu refuġju propju fid-deputat mexxej tal-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien Chris Cardona. Illum huwa ċar illi r-ras ta’ din il-qarnita ta’ korruzzjoni, iċ-ċentru ta’ din l-istruttura mafjuża, ta’ kriminalita organizzata li ħakmet lil pajjiżna, huwa l-Partit Laburista nnifsu u propju waqt li eluf ta’ professjonisti, ta’ ħaddiema, bdew iħallsu issa l-prezz tal-greylisting illi daħħalna fih dan il-Gvern, b’mijiet ta’ kumpaniji jikkonsidraw id-downsizing jew jikkonsidraw saħansitra li jkeċċu u jnaqqsu ħaddiema , bl-eluf ta’ nies li qiegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jgħaddu tranżazzjonijiet mil-banek, ta’ kumpaniji li qed isibu problemi biex jgħaddu tranżazzjonijiet barra l-pajjiż, niskopru kif il-Partit fil-Gvern huwa fiċ-ċentru ta’ din il-kriminalita’ organizzata li wasslitna sa hawnhekk.

Kif qatt jista’ l-FATF jikkonsidra joħroġna mill-greylisting meta dan il-pajjiż huwa mmexxi minn Robert Abela, illi jmexxi partit li kien qed idaħħal dawn il-flus mill-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u propju mis-sid tal-proġett tal-Electrogas.

Partit illi kien qed jiffinanzja l-operat tiegħu, qoxra magħmula minn offiċjali tal-Partit u minn nies illi kienu anka nvoluti fl-għoti tal-kuntratt multimiljunarju li ħadu l-Vitals fit-tmexxija tal-isptarijiet f’pajjiżna. Kif qatt nistgħu nemmnu illi l-liġi tal-finanzjament tal-partiti qed tiġi nfurzata kif suppost, meta Ministru tal-Ġustizzja tal-lum Edward Zammit Lewis huwa l-istess bniedem illi kien jitkarrab għand Yorgen Fenech, illi kien jipprova jingħoġob ma’ Yorgen Fenech u li kien jieħu l-istruzzjonijiet minn għand Yorgen Fenech.

Għaddew 37 ġurnata mindu sirna nafu b’din ir-relazzjoni u Edward Zammit Lewis għadu ma rreżenjax u l-Prim Ministru Robert Abela għadu ma ħax azzjoni biex ikeċċih. Aħna għaldaqstant, wara din il-konferenza stampa, ħa nkunu qiegħdin immorru d-depot tal-pulizija, ħa nitolbu lill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa, biex issir investigazzjoni serja fuq dawn l-allegazzjonijiet, fuq il-mod kif qed jiġi ffinanzjat il-Partit Laburista u jekk bħal ma kellu dan l-arranġament ma Yorgen Fenech, għandux arranġamenti simili ma’ entitajiet oħra f’dan il-pajjiż illi ħadu kuntratti suspettużi minn għand il-Gvern jew ħadu artijiet pubbliċi minn għand il-Gvern, bi prezz ħafna nqas mil-prezz tas-suq?

Jiena, Charles u ħafna oħrajn, inkluż Laburisti, qiegħdin fil-politika biex inservu u ddispjaċuti ħafna li l-Labour, Partit Laburista tal-lum, għadu jħammeġ il-politika kollha bl-għaġir tiegħu u jbiegħed u jnaffar eluf ta’ Maltin illi jagħtu sehemhom fil-politika….. Jiena wkoll illum irrid inħeġġeġ lin-nies, illi jekk irridu naraw bidla f’dan il-pajjiż, din il-bidla ma nistgħux inġibuha aħna waħedna, din il-bidla nistgħu nġibuha aħna flimkien. Inħeġġiġkom biex tidħlu fil-portal li ħoloq il-Partit Nazzjonalista ‘kunil-bidla.com’, tagħmlu hemm is-suġġerimenti tagħkom, tirreġistraw, tipparteċipaw fit-tfassil ta’ din il-politika biex fllimkien inkunu nistgħu f’dan il-pajjiż., b’politika tassew nadifa, trasparenti u onesta, inġiebu l-bidla li għandna bżonn biex insewwu r-reputazzjoni u l-ħsara li saret lill-pajjiżna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *