Għaliex il-messaġġ ta’ Peregin fuq il-website tal-PN Kun il-bidla ħallieli tomgħa morra?

Blog post minn osservatur politiku

Bħalissa għaddejja kampanja qawwija mill-Partit Nazzjonalista biex dawk kollha interessati jidħlu fil-website l-ġdida tal-Partit ‘Kun il-bidla’. Dħalt nara dak li qed joffru u sibt artiklu minn Chris Peregin li ħallieli togħma morra. Dan fetaħ l-artiklu tiegħu billi qal li ilu rrabjat għall-Partit Nazzjonalista 13-il sena. Mela hawn għandna l-ewwel dubju. Dan qal ftit tal-ġranet ilu, li vvota lill-Partit Nazzjonalista fl-2017. Liema verżjoni hi tajba? Dik li ilek rrabjat dawk is-snin kollha għall-Partit Nazzjonalista jew li vvutajt lin-Nazzjonalisti fl-2017?

U qal ukoll li kien skantat bil-ħmieġ li ħaddan il-Partit Laburista mill-2016 ‘l quddiem. Imma jikkonferma li d-diżilluzzjoni fil-Partit Nazzjonalista kienet aktar qawwija u allura l-PN ma kien ħaqqu xejn iktar ħlief aktar attakki. Biex jgħidilna li qalbu reġgħet bdiet taħarqu għall-Partit Nazzjonalista tana eżempju tal-parker tiegħu, fejn kien jipparkja l-karozza. Dan il-parker qallu li hu Nazzjonalist li qata’ qalbu għax ma jaħsibx li l-Partit Nazzjonalista għandu ċans jerbaħ. U jaħseb ukoll li l-Labour qed jagħmel ħafna ġid bħal ma għamel fil-flyovers. Il-parker kompla li l-problema hi li l-labour għandu ħafna poter u qed jara lil-Laburisti stess dubbien.

Peregin qalilna li wara għoxrin minuta jitkellem miegħu, ħass li l-parker kellu ideat profondi. U kif għandu ideat profondi? Dak il-parker gradwat mill-Universita tat-triq, xi ħaġa li Peregin ma tantx jemmen fiha għax mingħalih li l-politika titmexxa biss biċ-ċertifikati tal-Universita ta’ Tal-Qroqq. Peregin jammetti li hu kien iħares kważi b’disprezz lejn dawn il-kwalita’ ta’ nies bħall-parker.

Ħaseb li dawn in-nies ma jirrapreżentawx moħħ kritiku li mingħalih kellu hu biss. Imma li dan il-parker baqa’ Nazzjonalist li kompla wara l-partit tiegħu, ġara x’ġara, impressjonatu. Hu fehem mill-mod kif ħaseb u tkellem il-parker, li l-importanza li l-partit fl-oppożizzjoni jkun b’saħħtu hija kbira, għaliex hija l-oppożizzjoni li suppost dejjem attenta u lesta tikkritika, kull ma jagħmel il-Partit fil-Gvern.

Dan il-parker illuminah lil Peregin. Mar lura fil-ħsieb tiegħu meta kien ġurnalist mat-Times of Malta, attent kif jikkritika lill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern għax bil-kritika tiegħu seta iwaqqa’ l-Gvern, bejn l-2008 u l-2013 meta kien hemm maġġoranza ta’ siġġu wieħed. Illum il-partit fil-Gvern għandu maġġoranza ta’ 7 siġġijiet, li tfisser li kważi jista’ jagħmel li jrid. Huwa qal li kieku forsi kellu maġġoranza inqas, il-gvern ma kienx jgħaddi romblu fuq is-siġar u ma kienx joħroġ permessi allavolja kien hemm 17,000 objezzjoni.

Peregin jammetti li flok ħadem biex inaqqas il-maġġoranza tal-Partit Laburista, stinka biex jara u jxandar x’kien hemm ħażin fil-Partit Nazzjonalista.

B’mod żbaljat ħafna, Peregin jaħseb li nies bħall-parker kienu qed itellfu biex Malta tkun pajjiż ambiżżjuż u pajjiż li jaħdem kemm jiflaħ biex jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu. Peregin fl-aħħar fehem li huma nies ta’ stamina bħal parker, li jagħtu bażi soda lill-Partit Nazzjonalista, li fuqu jrid jinbena partit u oppożizzjoni b’saħħitha, li eventwalment ikun jista’ jieħu l-Gvern.

Peregin l-ostaklu mhux il-parker imma dawk in-nies li joqgħodu gallarija jikkritkaw biss, flok jagħtu l-kontribut tagħhom. Meta l-kritika lejn il-partit tkun ġejja minn sostenituri dejjiema tal-partit stess, dik tkun qed tintgħamel biex toffri l-ġid u l-għajnuna. Jekk tkun ġejja minn oħrajn, il-logħba tkun differenti għax ikunu qed ifittxu fejn hemm dgħajjef ħalli jkomplu jfarrkuh.

Peregin, issa li mar mal-Partit Nazzjonalista fetaħ għajnejh. Qed jinduna li biex tibni jrid ikollok bażi soda, u dawk li dejjem sostnew lill-partit qiegħdin hemm u lesti li jibqgħu hemm. Hemm bżonn li l-oppożizzjoni tissaħħaħ. Hemm bżonn li l-ewwel u qabel kollox tingħaqad. Hemm bżonn li veru tagħti taqtiegħa lill-partit fil-Gvern.

Peregin qabel isejjaħ lin-Nazzjonalisti, jrid jgħidilna hu għaliex kien jattakkah daqshekk lill-Partit Nazzjonalista. Għaliex kien jikkritka tant lill-Gvern ta’ Dr Gonzi. Jgħidilna għaliex kien jgħajjar u jikkritika daqstant lil Adrian Delia sa ftit ġranet qabel ra d-dawl u daħal mal-Partit Nazzjonalista. Meta nkunu nafu r-risposti ġenwini tiegħu, forsi nibdew nieħdu l-pariri tiegħu, imma sa dan it-tant jieħu paċenzja u jisma’ lil dawk is-sostenituri li skond hu għamlu parti mit-30% li baqgħu wara l-Partit Nazzjonalista.

Hawn ħafna li mdejqin b’dak li qed jagħmel il-Gvern, imma hemm parti kbira minnhom li lesti joffru ħsibijiethom biex il-Partit Laburista tagħhom, jirranġa s-sitwazzjoni tiegħu. M’humiex lesti li jsibu lill-partit dgħajjef u jkomplu jagħtuh daqqiet taħt iċ-ċintorin, bħal ma għamel Peregin sa ftit ġimgħat ilu.

Peregin tippruvax tisraq battuti ta’ ikona politika tal-Partit Nazzjonalista, Profs Guido de Marco, biex tipprova timpressjonana li ‘Politics is the art of persuasion’. Bir-rispett kollu lanqas tibda biex taqfillu l-qorq lill-Profs. Inti meta l-Partit Nazzjonalista ma ssodisfalekx l-aspirazzjonijiet tiegħek, għajjartu u kasbartu iżjed u mhux ikkontribwejt biex tgħinu u tagħtih viżjoni. Kemm hu sewwa li bdiet tniggżek il-kuxjenza, imma jiddispjaċini Sur Peregin, ilħaqt għamiltlu wisq ħsara lill-Partit Nazzjonalista biex issa tiġi tipprietkalna l-istorja tal-iben prodiku.

Peregin, fl-aħħar ta’ dan l-artiklu li qiegħed fil-website l-ġdida ‘Kun il-bidla’ jgħid hekk: “Bernard Grech welcomed me with open arms….” Li kieku Dr Grech għażel lil Peregin, dan ma kienx jgħid li Dr Grech laqgħu imma kien jgħid li Dr Grech għażlu. Mela ieħor madwar Dr Grech li ġie imponut fuq Dr Bernard Grech. Qalilna wkoll fl-aħħar li l-bieb tad-Dar Ċentrali huwa miftuħ beraħ. Tgħid mhux se jgħid hu, kemm hu miftuħ u għal min hu miftuħ il-bieb tal-partit. Jien nippretendi li xi ħadd jiftaħli l-bieb tal-Partit Nazzjonalista imma żgur mhux int Sur Peregin. L-artiklu tiegħek huwa nsult għal min ta saħħtu u ħajtu għall-Partit Nazzjonalista. Inti żgur ma tista’ tkun qatt li tgħajjat lura lill-iben jew bint prodiku, kif ktibt fl-artiklu tiegħek.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *