Il-vera bidla saret fil-Partit Nazzjonalista fl-2017 u ma ġietx aċċettata minn dawk li llum iridu l-bidla.

Blog post minn osservatur politiku

Kun il-bidla hija il-website l-ġdida li għadu kif vara l-Partit Nazzjonalista bħala għajnuna fil-kampanja tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li ġejja. Hawnhekk qed iħajjar lill-partitarji, u anke m’humiex, biex jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista biex flimkien ikunu l-bidla fil-Partit Nazzjonalista u l-bidla fil-Gvern ta’ Malta.

Bir-rispett kollu, jien u ħafna bħali, xi 65% tat-tesserati hekk għamilna. Dan għamilnih fl-2017 wara tkaxkira tajba fl-elezzjoni ġenerali tal-istess sena. Aħna ġejna mitlubin biex nagħżlu wieħed mill-erba’ kandidati għal kap tal-partit. Dak in-nhar obdejna l-ordni u għall-ewwel darba, għax hekk iddeċieda l-esekuttiv tal-partit, aħna t-tesserati għamilna għażla. Kienet għażla ċara. Kandidat minnhom offrilna mod ġdid kif nagħmlu l-politika u ħassejna li wara tant telf f’elezzjonijiet diversi mill-2008 ‘l hawn, riedna nesperimentaw b’mod ġdid ta’ kif issir il-politika.

Mela t-tesserati kienu l-bidla dak in-nhar. X’riedu t-tesserati bil-vot tagħhom. Żgur li ma riedux wiċċ fit-tmexxija li jirrifletti tkaxkiriet waħda wara l-oħra għal 9 snin sħaħ. Riedu lil xi ħadd li ma kellu xejn x’jaqsam ma’ dawk it-telfiet, jieħu r-rigni f’idejh u jressaq mod ġdid li seta’ forsi jwassal għal riżultati aħjar minn dawk li l-Partit ġarrab fl-aħħar snin.

Fil-fatt fl-għażla bejn Adrian Delia u Chris Said, it-tesserati qalu le lil Chris Said, għax Said kien parti mill-eżekuttiv ta’ Gonzi li kien laqqgħat tkaxkira tajba fl-elezzjonijiet tal-2013 u l-2017, barra oħrajn. Mela dik kienet l-ewwel bidla. It-tesserat ma setgħax jibdel lid-deputati għax kieku għamilha wkoll. It-tesserati ma riedux jibqgħu b’Simon Busuttil fuq quddiem. Rieduh iwarrab u jerfa’ r-responsabilita’ tat-telfa enormi li kien għadu kif qala’. Mela anke hawn ried il-bidla t-tesserat, li kien qed jippreżenta lill-votanti kollha li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali.

Mela żewġ bidliet importanti. It-tesserati xtaqu wkoll bidla oħra fl-2017 meta vvutaw għal kap. Xtaqu li dawk id-deputati li kienu ma’ Chris Said fl-esekuttiv tal-Partit bejn 2013 u 2017 jew qabel, li jagħmlu pass lura. Imma dawn il-bidliet ma seħħewx. Busuttil għamel kitchen cabinet tiegħu u ma aċċettawx l-għażla tat-tesserati. U hemm bdiet tidher ir-reżistenza tad-deputati għall-bidla li xtaqu t-tesserati. Simon Busuttil fetaħ it-triq meta prova jagħti parir lil Adrian Delia. Tant kien ħażin dak il-parir, li l-maġġoranza tat-tesserati ma tatx kasu u għamlet eżatt bil-maqlub.

Imbagħad mar il-parlament u għamel qassata imħawwra b’ħafna reżistenza u tkaxkir tas-saqajn għal mod ġdid ta’ politika u allura għall-bidla li xtaqu t-tesserati. Il-problema tal-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar 4 snin kienet ir-reżistenza għall-bidla. Il-klikka tal-blue heroes għażlu jew iddeċidew li l-partit mhux se jaħrabilhom minn idejhom. Ħalfu li kollox jibqa’ għaddej kif kien. Wegħdu lilhom infushom li ħadd ma seta’ joħdilhom posthom, għax huma biss kellhom dritt divin fuq il-partit. U hekk ġara. Tant ma aċċettawx il-bidla li huma, jiġifieri l-klikka valenuża, għażlu pupazz minn fosthom.

Ftakru ftit il-kamra minn fejn saret il-kampanja elettorali ta’ Dr Bernard Grech u tindunaw kemm kien il-midluk jew il-magħżul Dr Bernard Grech. Hemm kienet il-klikka, tistenna miegħu u x’ħin wasal il-mument tifraħ miegħu. Il-bidla mistennija ma saritx.

Waslet illum lejlet elezzjoni ġenerali u qed jerġgħu jitolbuna ngħinu fil-bidla. Aħna diġa vvutajna għall-bidla. Aħna diġa wrejna x-xewqa li riedna mod ġdid ta’ kif issir il-politika. Kontu intom li ma aċċettajtux il-bidla tagħna. Kontu intom li ridtu l-partit lura f’idejkom biex tfajtuh lura flok ‘l quddiem. Issa qed titolbuna bil-ħniena biex nissieħbu fil-bidla. Jekk qed tħarsu lejn bidla fil-ġvern, dik ma tistax tasal jekk ma ssirx bidla fil-partit.

Dan l-aħħar, l-esponenti għoljin tal-Partit, qed jgħidu biex ma nivvutawx għall-qodma. Qed jgħidu biex in-nies jivvutaw għall-ġodda. Mela anke huma qed jindunaw li dak li vvutajna għalih fl-2017 fit-tellieq tal-kap, issa jriduh huma. Issa naħseb li tard wisq, għax kontu intom stess, il-predikaturi tal-lum, li warrabtu l-għażla tagħna, li tajtu bis-sieq l-għajta ta’ politika ġdida, li ma tajtux każ li riedna nies iwarrbu, li smajtu l-vot tagħna f’għajnkom għax bqajtu għaddejjien tliet snin tippruvaw tiġġieldu kontra l-għażla tagħna, li ġejtu taqgħu u tqumu li aħna lil dik il-klikka moqżieża ma ridniehomx.

Illum intom qed terġgħu tippreżentaw ruħkom għall-vot tagħna biex tibqgħu hemm iggranfati mal-pultruni l-ħodor. Issa tridu l-bidla. Issa tard wish għax aħna vvutajna għall-bidla rakikali fl-2017.

Leave a Reply

Your email address will not be published.