Min miż-żewġ mexxejja għandu l-aqwa soluzzjoni għall-pajjiżna?
Blog post minn osservatur politiku
Il-Prim Ministru jiddeċiedi meta se tkun l-elezzjoni, imma ż-żmien sa meta tista’ sseħħ jafu kulħadd. Nispekulaw kemm irridu, imma xorta sa sena oħra l-elezzjoni trid tkun għaddiet u nkunu nafu min se jmexxina fil-ħames snin li ġejjien. Jiddeċiedi kemm irid fuq id-data imma fuq iż-żmien ma għandux għażla. X’nistennew li nisimgħu mill-partiti politiċi minn issa sal-elezzjoni li ġejja? Se jagħtuna soluzzjonijiet għall-problemi jew sfidi li għandu quddiemu l-pajjiż?
Meta nisimgħu nkunu nistgħu nanalizzaw, u jekk ma nkunux deċiżi minn elezzjoni għal oħra kif nivvutaw, nippruvaw niddeċiedu fuq dak li jippreżentawlna. Irridu naraw min minnhom it-tnejn se joffru l-aħjar soluzzjonijiet għall-problema tad-defiċit. Nafu li jeżistu l-problemi. Seta’ ma kienx daqshekk imma hemm qiegħed. Min minnhom se jippreżentalna l-aħjar soluzzjonijiet biex nerġgħu lura fejn konna qabel faqqgħet il-pandemija?
Iridu juruna, jekk iridu l-vot tagħna, min minnhom se jiġġieled il-korruzzjoni li għolliet rasha ħafna iżjed minn qabel? It-triq ‘l quddiem f’pajjiżna hija li neħilsu minn din il-mantra li ħakmitna. Irridu naraw viżjoni ta’ kif se jaġixxu l-partiti kontra din il-misħuta korruzzjoni. Għandna l-problema tal-lista l-griża li se tkun magħna sal-elezzjoni li ġejja. Min miż-żewġ partiti se jagħtina l-aqwa triq għas-soluzzjoni ta’ din il-problema li qed tkisser lil pajjiżna ekonomikament? Spjegawlna ħalli nkunu nistgħu niżnu dak li qed toffru.
Il-pjaga tal-vulnerabbli u tan-nies fil-bżonn għadha magħna ukoll. Xi kultant meta taqra’ tinduna, li din hija sfida kbira u mhux kif jippruvaw ipinġuhielna li naqset drastikament. Pjuttost naħseb li żdiedet u ma hu tort ta’ ħadd, għax kompliet terfa’ rasha minħabba l-pandemija. X’soluzzjonijiet se joffru l-partiti u x’se joffru lil dawn in-nies b’mod ugwali u li ma jħallu lil ħadd barra? Min minnhom it-tnejn se jagħmel aktar bidliet legali u soċjali li nisperaw iwasslu biex kull persuna Maltija u Għawdxija titwieżen jew tiġi megħjuna b’mod ugwali u trasparenti?
Imbagħad jitfaċċaw dawk il-problemi, li ngħidulhom ta’ kuljum, li rridu nħarsu lejhom ma kull nifs li nieħdu. Hemm il-kwistjonijiet ta’ saħħa, l-ekonomija, x-xogħol u l-edukazzjoni. Dawn huma sfidi li niltaqgħu magħhom kuljum matul is-sena kollha. Huma sfidi li mhux se jissolvew b’deċizzjoni waħda, imma huma problemi li kienu, qiegħdin u se jibqgħu magħna l-ħin kollu, għax huma sfidi kontinwi. X’se joffrulna iż-żewġ partiti l-kbar li qed jippruvaw jikkonvinċuna biex nafdawlhom it-tmun tal-pajjiż f’idejhom?
Min minnhom se jippreżentalna triq ċara u fattibbli għall-isfidi tal-ambjent li donnu abbandunajnieh għal kollox? Min minnhom it-tnejn se jikkonvinċiena li għandu interess partikulari li jsolvi l-problemi infrastrutturali billi jagħtina pjan għax-xogħol li hemm bżonn isir? Dawn huma sfidi li jimxu magħna minn gurnata għal oħra. Hemm ukoll dawk il-problemi li dejjem jitfaċċaw u li wkoll rridu nħarsu lejhom b’ċertu interess, urġenza u integrita’. Fosthom hemm suġġetti li jistgħu jiġu konsidrati bħala tabu’ għad-diskussjoni, imma wasal iż-żmien li jiġu trattati. Għalhekk tajjeb li nkunu nafu x’pożizzjoni se jieħdu fuq suġġetti bħal l-ewtanasja u l-abort? Suġġetti jaħarqu imma li jridu jissolvew ħa nimxu ‘l quddiem.
Dawn ma jnaqqsux l-importanza tad-diskussjoni tal-cannabis u suġġetti oħra li wkoll waslu għal diskussjoni miftuħa f’pajjiżna. Aħna għandna bżonn viżjoni f’dawn is-suġġetti li jistgħu joffru sfidi kbar. Dawn barra dawk il-problemi li jridu jkunu ffaċċjati ta’ kuljum. Imma jista’ jkun li dawn imsemmijien hawn fuq, joffrulna stampa aktar ċara ta’ x’għandhom f’moħħhom il-partiti prinċipali.
B’din l-informazzjoni f’idejn l-elettorat, il-poplu jkun f’sitwazzjoni aktar infurmata u jagħraf jagħżel aħjar min jistħoqqlu l-fiduċja tagħna. Huwa tajjeb li l-poplu jkun jaf xi triq se jadotta kull partit, ħalli meta jgħaddi kollox u l-verdett jittieħed, dak il-partit fdat bit-tmexxija, jkollu lill-poplu għassa tiegħu biex jara kif qed iwettaq dak li jkun wiegħed matul l-aħħar ġimgħat qabel l-elezzjoni. Ladarba jgħaddi l-verdett il-Gvern ikun irid jieħu deċiżżjonijiet faċli, diffiċli u forsi ukoll mhux dejjem popolari. Mela l-poplu għandu jkun armat biex barra l-Oppożizzjoni fil-Parlament ikun hemm il-ġudizzju nazzjonali fuq kif se jaġixxi dak il-partit li jkun rebaħ il-mandat.
Bla dubju ta xejn il Poplu jafda lil tal LOabour