Jacob Borg u l-messaġġi ta’ Yorgen Fenech: għadna nbatu mid-deċiżjonijiet ta’ Rachel Montebello

Il-bieraħ, Jacob Borg ġurnalist mat-Times of Malta reġa’ ppubblika storja spekulattiva ibbażata fuq siltiet minn chats li allegatment saru bejn Yorgen Fenech u nies fin-negozju. Infakkar li fuq dawn iċ-chats, il-maġistrata Rachel Montebello kienet ghamlet divjit tal-pubblikazzjoni fuqhom. Meta Jacob Borg beda jippubblikahom, din il-maġistrata, li l-partner tagħha, kien xirk ma’ Jason Azzopardi għaliex dan tal-aħħar ġieli għaddielu xi xogħol, ma qegħditux lil Jacob Borg taħt disprezz tal-qorti. Kif ngħidu, kulħadd b’xortih fid-dinja u fil-qrati tagħna aktar.

Dan il-ġurnalist kull darba li jkollu informazzjoni dwar xi chats jaf li jista’ joħroġhom għax mhu ser jiġri xejn. B’hekk jista’ jippubblika kull storja mħawra li jrid biex jipprova joskura ċertu nies. Bħal ma jagħmel dejjem, Jacob Borg jagħti l-verzjoni tiegħu jew ta’ min qed jużah, biex jitfa’ t-tajn fuq persuna jew persuni, li huma importanti imma ma jkunux ħbieb ta’ Repubblika, ta’ Jason Azzopardi jew ta’ Manuel Delia.

Issa qed nidraw l-istrateġija ta’ dan il-ġurnalist. Minn żmien għal żmien, iżerżaq xi żewġ linji miċ-chats ta’ Yorgen Fenech u jikteb storja dwarhom biex Yorgen Fenech jinżamm fil-media. Mid-dehra u milli wieħed jista’ jifhem, hu ma joqgħodx ifittex jew jindaga iżjed, ma joqgħodx jipprova jistaqsi aktar informazzjoni, imma jaqbad u jippubblika.

Il-bieraħ, l-artiklu kien dwar dak li jidher kien draft agreement ta’ negozju. Nifhem li hawn jista’ jkun hawn abbuż politiku imma nifhem ukoll li agreements isiru bejn kumpaniji kummerċjali – li inċidentalment – dan l-agreement jidher li l-anqas daħal fis-seħħ u ma jidhirx li kien wasal għand il-kumpanija tat-Tumas group. Naħseb li hemm affarijiet li mhumiex draft agreements spekulattivi, imma fatti ta’ kandidati u deputati Laburisti li ħadu għajnuna mingħand it-Tumas Group. Ma għandix dubju li l-media taf bihom imma tinjora li titkellem dwarhom.

Barra minn hekk donnu dan il-ġurnalist ma għandux skrutinju fuqu. Jaf li fil-qorti ġa ġabha żewġ. B’hekk l-edituri tal-gazzetta tiegħu, Times of Malta, ma tantx għandhom għalfejn jħabblu rashom u jaħlu l-ħin fuq skrutinju tat-tixrid ta’ informazzjoni minnu. L-aqwa li l-media ixxandar xi ħaġa bħala fatt, anki jekk ma seħħitx. Dan rajnih il-bieraħ ukoll fil-qorti. Xi ħaġa li ngħaddet f’chat ta’ Yorgen Fenech saret fatt assolut, anki jekk qatt ma kien ġie konkluż xejn u sadanittant fuq diċerija nżammu nies il-ħabs.

Imma meta wieħed jara dawn l-affarijiet u jaqra dak li jikteb Jacob Borg, ma jistax ma jistaqsix jekk qatt xi darba kellu xi informazzjoni dwar xi chats ta’ Keith Schembri? Jekk qatt ma kellu, possibbli qatt ma talab jew stinka biex jara kif ser jipprova jakkwista xi chats ta’ Keith Schembri li issa nafu li qegħdin għand il-pulizija? Infakkar li l-lum il-pulizija għandha chats li kienu ta’ Keith Schembri. Possibli, mingħand il-pulizija, dan il-ġurnalista ma akkwista xejn minn dawn iċ-chats, meta l-istess ġurnalista kien ippubblika chats li kienu għadhom biss għand il-pulizija u dawn kienu jikkonċernaw lil Yorgen Fenech u l-eks kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia?

Huwa daqsxejn diffiċli temmen li dan Jacob Borg mhux interessat jikxef x’għadda bejn Fenech u Schembri, meta nafu li fir-recordings ta’ Melvin Theuma hemm allegazzjoni serja li Schembri jista’ jkun imċappas fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia? Kif jista’ dan il-ġurnalist joqgħod bil-loqom li jtuh fuq nies privati u ma jitlobx lis-sorsi tiegħu biex jgħaddulu xi ħaġa fuq Keith Schembri?

Ma nistgħux ma nfakkrux li min jaf kemm hemm ħafna oħrajn li kienu f’negozju ma’ Yorgen Fenech. Nispera li dawn iċ-chats mhux qed jintużaw biex ikunu rrikattati nies fin-negozju. Infakkar li l-partner tal-maġistrata Montebello, Patrick Valentino u missier l-istess maġistrata huma nies fin-negozju tal-propjeta’ bħal ma huwa Yorgen Fenech! Ara fuq dawn il-punti, The Times of Malta ma tippubblika xejn u ma tinvestiga xejn.

Minflok il-ministri kkonċernati jaraw li dan l-abbuż ta’ ħruġ ta’ chats jieqaf, waqgħu fil-muta.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *