PNGreens: meta l-passat jħassar it-tajjeb li tkun tixtieq tibni fuqu
Blog post minn osservatur politiku
Ftit tal-ġranet ilu Dr Bernard Grech vara PNGreens. Dan se jkun forma ta’ forum fejn ikun jista’ jsir dibattitu dwar l-ambjent. Kull min jixtieq jista’ juri l-interess tiegħu biex jipparteċipa f’dawn id-dibattiti.
Imma meta sar il-ħin tal-mistoqsijiet, kważi l-ġurnalisti kollha għamlu referenza għal dik il-politika li biddlet iż-żoni tal-iżvilupp fl-2006. Meta mistoqsi jekk hux se jirtira xi ħaġa mill-politika mħaddna fl-2006, Dr Bernard Grech qal li bħala Partit ma huma se jnaqqsu xejn miz-zoni tal-iżvilupp li kienu mxandra fl-2006.
Dak li sar fl-2006 kien ippilotat mill-Ministru George Pullicino. Niftakru li dik id-deċizzjoni li ttieħdet ħmistax-il sena ilu, kienet ħolqot ħafna diskussjoni u kienet ukoll laqtet ħażina xi nies li stennew li l-art tagħhom tidħol bħala art li tista’ tiġi żviluppata. Dak in-nhar, spalla ma spalla mal-ministru, George Pullicino, kien hemm persuna viċin tiegħu li kienet il-kap tas-Segretarjat tiegħu. Dan ma kien ħadd ħlief Ray Bezzina li allura dak iż-żmien kien qed jgħin u jaqbel mal-ministru tiegħu Pullicino fid-deċiżjonijiet li kienu qed jittieħdu, li mingħajr dubju dan l-istess Bezzina kellu sehem qawwi fihom. Miegħu kien hemm Chris Ciantar li llum reġa’ daħal fil-istrutturi Partit Nazzjonalista għaliex qiegħed jirrappreżenta lil Partit Nazzjonalista fuq l-Awtorita’ tal-Ambjent (ERA). Dak in-nhar Chris Ciantar kien is-segretarju permanenti fil-ministeru.
Dawn kien il-moħħ ta’ Pullicino wara kull deċiżżjoni li huwa kien jieħu. Kien jgħinu u jippilota miegħu l-politika li kien iressaq Pullicino bħala Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent. Mela nistgħu nikkonkludu li kienu jaqblu u wara dan it-tibdil li kien mgħoddi mill-Parlament fejn kellu x’jaqsam żoni tal-iżvilupp. Dan wassal biex il-bieraħ, l-istess Prim Ministru, Robert Abela għamel referenza għalihom biex jiġġustifika l-oxxenitajiet li qed isiru fil-qasam tal-ambjent illum.
Mela inizjattiva li kellha tkun tajba spiċċat ġa tilfet l-effett politiku tagħha, għaliex tajjeb jew ħażin, persuni li kienu assoċjati ma’ deċiżjonijiet meħuda fl-2006 minn Gvern Nazzjonalista, qegħdin illum parti mis-segretarjat tal-Kap tal-Oppożizzjoni. B’hekk Bernard Grech ser ikollu jwieġeb għal deċiżjonijiet li hu ma kellux x’jaqsam magħhom imma bl-għażliet li għamel spiċċa assoċjat magħhom.