Jason Azzopardi u Newsbook jagħtu dettallji fuq kawża li jikkonċerna lil John Dalli qabel ma bdiet.

Dalgħodu, Jason Azzopardi tella’ artiklu fuq il-Facebook page tiegħu fejn qal li l-pulizija ser iressqu lil John Dalli l-qorti. Nista’ nistaqsi kif sar jaf b’dan la darba hu mhux parti minn din il-kawża? Kif affarijiet fuq kawżi tan-nies, huma x’inhuma, qed jispiċċaw għand il-media jew għand dan l-avukat?

Imbierek Alla, il-Ministru risponsabbli ma jitkellmix. Fuq dan verament għandu fejn jirreżenja Zammit Lewis jekk jibqa’ ma jieħux passi.

Artikolu 518 jitkellem ċar dwar min għandu dritt ikollu aċċess għad-dokumenti f’kawża. Impjegati li jaħdmu l-qorti jistgħu jispiċċaw bi problemi minħabba kuntatti li jagħmlu magħhom terzi.

Mela Jason Azzopardi jrid jgħid ċar mnejn ġab din l-informazzjoni. L-ebda avukat ma għandu dritt ikellem impjegati tal-qorti fuq kawżi li hu ma għandux x’jaqsam magħhom. Wisq anqas għandu jitkixxef fuq kawżi li jkunu ser jibdew jew inkellha jkunu bdew u huwa mhux parti minnhom.

Ma naħsibx li f’din il-kawża kontra John Dalli, Jason Azzopardi jagħmel parti minnha. Ma naħsibx li ser ikun parte ċivile f’din il-kawża jew ser jkun l-avukat ta’ l-imputat. Mela kif sar jaf biha? Mela qed ngħid sew li mhux suppost għandu aċċess għall-informazzjoni dwar din il-kawża? Mnejn ġiet din l-informazzjoni li mbagħad Newsbook għamilha tiegħu li b’kumbinazzjoni dan il-portal itella’ din l-istorja sagħtejn wara u jagħti lil Jason Azzopardi bħala s-sors tiegħu biss iżid dettall ieħor li Azzopardi ma jagħtix.

Fil-Facebook page tiegħu, Azzopardi ma jagħtix l-isem tal-maġistrata li ser tkun qed tippresedi fuq din il-kawża. Imma l-media tal-isqfijiet isiru jafu min hija l-maġistrata u jagħtu isimha u jgħidu li hija Caroline Farrugia Frendo. B’imħattra li Caroline Farrugia Frendo saret taf li ser tkun fuq din il-kawża mill-gazzetti! Kif saru jafuh dan id-dettall ta’ Newsbook?

Fuq kollox, ta’ Newsbook jiktbu li Jason Azzopardi kixef din il-kawża. Bil-kelma kixef qed jimplikaw li kienet qed tinżamm sigrieta. Dan ifisser li din l-informazzjoni ma nġabitx mingħand John Dalli. Mela mnejn ġabha Jason Azzopardi din l-informazzjoni jekk mhux mill-qorti?

Fejn huma tar-rule of law fuq dawn il-fatti?

Peress li Azzopardi huwa wkoll politiku, l-interess f’kawża bħal din hu biss li jagħmel spinning politiku biha. Nispera li din il-kawża ma tispiċċax bħal ma spiċċat dik kontra r-raġel ta’ Giovanna Debono, fejn il-pulizija ma għamlux xogħolhom sew.

Dak li nista’ nimmaġina huwa li uħud mill-impjegati tal-qorti qed jiġu bejn ħaltejn x’ser jagħmlu. Ma jridux jiksruha ma’ xi politiku biex ma jispiċċawx vittmi f’ċertu setturi tal-media u l-anqas iridu li jkollhom problemi fuq il-post tax-xogħol mal-aġenzija jew ikunu esposti għall-passi kriminali minħabba kxif ta’ informazzjoni.

Ma għandix dubju li l-ġudikanti għandhom xamma ta’ x’qiegħed jiġri iżda naħseb li hemm fosthom li qed jibżgħu u ma jridux iqanqlu ilma qiegħed biex ma jispiċċawx bħall-imħallef Giovanni Grixti mżebbilħa u mmalafatati bi ksur ta’ artiklu 93 tal-kodiċi kriminali.

Biss naħseb li l-Ministru Zammit Lewis, bħala ministru tal-ġustizzja għandu jordna nkjesta biex jara kif qed toħroġ din l-informazzjoni kollha.

One thought on “Jason Azzopardi u Newsbook jagħtu dettallji fuq kawża li jikkonċerna lil John Dalli qabel ma bdiet.

Leave a Reply

Your email address will not be published.