Where your opinion counts

Is-Survey tal-Malta Today: id-distakk potenzjali bejn iż-żewġ partiti hu ta’ 48000 vot.

Il-Malta Today tagħtna s-survey ta’ Settembru. F’Awissu ma kienx hemm survey. Mela l-paragun irid jintgħamel ma’ dak ta’ Lulju. Jidher li għalkemm matul survey u ieħor ħareġ ir-rapport tal-inkjesta tat-tliet Imħallfin, dan ma kellu ebda effett fuq il-votant Malti u Għawdxi. Din kienet il-konklużjoni primarja tal-Malta Today wara dan is-survey.

Fil-fatt is-survey ta’ Settembru jara lill-Partit Laburista iżomm kważi il-voti kollha u Dr Robert Abela ikollu tnaqqis insinifikanti ta’ 0.1% fl-appoġġ tiegħu personali. Dan is-survey ta diksata lil Partit Nazzjonalista għax meta tqis li kien hemm f’dan il-perjodu, l-inkjesta fuq Daphne Caruana Galizia fejn kien irrapurtat nuqqas milll-istat, wieħed kien qed jistenna li l-Partit Laburista kellu jnaqqas. Dan ma seħħx. Anzi kien hemm tnaqqis ta’ punt perċentwali għal Bernard Grech. Mhux talli hekk talli d-distakk bejn iż-żewġ partiti żdied minn 21.2% għal 22%.

Kellna wkoll il-lista l-griża mill-FATF li suppost beda jinħass l-effett tagħha mill-poplu u b’hekk wieħed kien qed jistenna tnaqqis għall-Partit fil-Gvern. Li kellu favur tiegħu l-Gvern kienet il-perċentwali għolja ta’ tilqim kontra l-virus tal-Covid-19. Minflok l-opożizzjoni attakkat l-inkonsistenti tal-gvern f’dan is-settur, spiċċat tgħattilu l-iżballji kbar li qed jagħmel.

Infatti, jekk inħarsu lejn il-Partit fl-Oppożizzjoni wieħed kien jistenna żieda wara d-dħul ta’ Peregin bħala strateġista u d-dħul fl-amministrazzjoni tal-istess Partit ta’ uffiċċjali ġodda, b’wiċċ żagħżugħ. Mid-dehra dawn ma għamlu differenza ta’ xejn. Anki jekk wieħed irid jirrikonoxxi li dawn qed jaħdmu.

Fil-fatt ebda effett ma seħħ fuq il-fiduċja li hemm fiż-żewġ mexxejja. Robert Abela kompla jżomm perċentwali tajjeb fuq il-50% waqt li Bernard Grech għat-tielet darba reġa naqqas u qiegħed sewwa taħt it-30%. Il-Prim Ministru qed jgħaddi lill-Kap tal-Oppożizzjoni f’kull grupp ta’ eta’.

B’mod sempliċi nistgħu naraw li f’dan is-survey, 75% qalu lil min se jivvutaw miż-żewġ partiti l-kbar. 44% qalu li se jivvutaw lill-Partit Laburista u 31% qalu li se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. B’dan it-turnout li vvutaw (irrispondew) f’dan is-survey id-distakk ikun ta’ 33,000 vot.

Biex nieħdu xi ħaġa aktar konkreta. Jekk issir l-elezzjoni għada u joħorġu jivvutaw 90% (bejn wieħed u ieħor dan il-perċentwali qed jiġi antiċipat li joħorġu jivvutaw) tal-elettorat ir-riżultat ikun ta’ 52% għall-Partit Laburista u 36% għall-Partit Nazzjonalista. Jitqies li l-partiti ż-żgħar jieħdu 2%. Jekk ikun hemm dan it-turn ta’ 90%, id-distakk bejn iż-żewġ partit jasal biex ikun 48,000.

Fi kliem ieħor, id-distakk bejn iż-żewġ partiti ser jiddeterminawh l-astenzjonijiet li għadu mhux ċar kemm ser ikunu fl-elezzjoni li ġejja.

One thought on “Is-Survey tal-Malta Today: id-distakk potenzjali bejn iż-żewġ partiti hu ta’ 48000 vot.

Leave a Reply to qurdina Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *