David Casa jiddefendi l-abbuż tal-privileġġ parlamentari Malti

Blog post minn osservatur politiku

David Casa tella’ post fejn qalilna li dak li għamlu lil Jason Azzopardi mhux aċċettabbli. Qalilna li mhux sewwa li bank jiftaħ kawża kontra membru tal-parlament. Casa kiteb hekk:

inaċċettabbli li bank jiftaħ kawża ta’ SLAPP kontra Deputat Parlamentari.

Casa missu qabel kiteb staqsa dwar il-liġijiet li kull membru tal-parlament Malti irid jimxi magħhom. Mela hawn Malta u skont il-liġijiet nazzjonali tagħna, il-membri tal-Parlament għandhom dak li jissejjaħ il-privileġġ parlamentari. Jiġifieri dawn is-sinjuri, li bis-saħħa tagħna jpoġġu fuq il-pultruni l-ħodor, meta jitkellmu fil-plenarja tal-Parlament jistgħu jgħidu li jridu fuq in-nies hemm barra u aħna n-nies komuni, ma nistgħux nieħdu azzjoni legali fuq dak li jgħidu fil-parlament fuqna.

Jien ma naqbel xejn mal-privileġġ parlamentari. Inħoss li ebda ċittadin ma għandu jgħid fuq xi ħadd dak li jfettillu, għax hemm ma tistax tfittxu għal dak li jkun qal. Issa li sar kontra Jason Azzopardi sar grazzi għal-liġijiet Ewropej. Illum barra li meta nitkellmu rridu naraw x’jgħidu l-liġijiet Maltin, irridu noqgħodu attenti wkoll li ma niksrux liġijiet tal-Unjoni Ewropea. Dak li ġralu Jason.

Jason forsi ħaseb, li jista’ jgħid li jrid fil-Parlament Malti għax qed jitkellem bil-Malti u l-Maltin ma jifhmux x’qed jgħid. Imma mid-dehra dan iċ-ċittadin Bulgaru, jaf sew xi tgħid il-liġi Ewropea, u għandu min jgħidlu x’jigdeb fuqu xi deputati Malti. Infakkar li din il-kawża kontra Jason Azzopardi infetħet abażi tal-liġi tal-Unjoni. Mela la aħna nagħmlu parti mill-familja Ewropea, rridu noqgħodu attenti x’jgħidu l-liġijiet Ewropej ukoll. Jien żgur mhux se ngħallem lil Jason Azzopardi, imma bħala avukat missu jaf sa fejn jista’ jasal meta jitkellem fil-Parlament Malti.

Mela David Casa missu jafhom il-liġijiet Ewropej, meta nafu li waqatlek żokortok tattendi s-sezzjonijiet fil-fora Ewropej. Mela tipprovax tgħidilna li huwa inaċċettabbli. Taf x’mhux aċċettabbli sur Casa? Li int ma kontx taf li teżisti din il-liġi fl-Unjoni Ewropea! Sirtu tafu biha issa għax il-ħabib tal-qalb tiegħek laqqatha. Ara kieku kien xi ħadd ieħor, l-argument kien ikun bil-kontra.

Casa kompla li hu “Inaċċettabbli li Deputat jagħmel diskors fil-Parlament, u jispiċċa vittma ta’ dan l-aġir.” Taf x’inhu inaċċettabbbli Sur Casa? Li deputat fil-parlament Malti jitkellem kif ifettillu, forsi juża xi kliem mhux xieraq jew xi kliem żejjed, u jippretendi li ħadd ma jista’ għalih għax qed jitkellem fil-parlament. F’din l-okkażżjoni jkolli ngħid li Dr Azzopardi sab kappell jiġih. Darba oħra ma joqgħodx jilgħabha tal-cowboy u ‘starts shooting from the hip’.

Casa qalilna wkoll li huwa “Inaċċettabbli li ilna snin ninsistu u nressqu liġijiet kontra l-użu ta’ SLAPP, u l-Prim Ministru ma għamel xejn.” Jista’jkun għandu raġun. Imma l-avukat Azzopardi missu kien jaf li dawn it-tip ta’ kawżi jistgħu jsiru u allura meta tkellem fil-parlament missu qagħad ħafna aktar attent u ma jieħux l-affarijiet b’ċertezza li ħadd ma jista’ għalih, għax qed jitkellem minn quddiem il-pultruna il-ħadra.

Qalilna wkoll is-Sur Casa li huwa “Inaċċettabbli li biex ibeżża’, raġel Bulgaru, jiftaħ kawża kontra Deputat Malti, fil-Bulgarija, u fittxu għal miljuni ta’ Ewro.” Ilni ngħid li meta bniedem jesaġera ma jitwemminx. Dr Azzopardi fil-post tiegħu fuq facebook ma semmiex miljuni imma semma l-eluf ta’ Ewro. Mela għalfejn Casa qed isemmi l-miljuni, biex jimpressjona mingħalih?

Skond Casa, l-Bulgaru fetaħ il-kawża biex ibeżża. Mela Azzopardi mhux suppost inkwetat, għaliex il-Bulgaru biex ibeżżgħu daqsxejn għamilha din. Nispera li dan mhux att ta’ intimidazzjoni għaliex jekk hu hekk, il-liġijiet Ewropej huma għall-passatemp u mhux kredibbli. Imma naħseb li hawnhekk Casa ma kienx attent fi kliemu.

Imbagħad Casa ndirizza lilna l-Maltin u l-Għawdxin u qalilna li “Illum, kull min għandu għal qalbu l-liberta’ tal-espressjoni, għandu jkun fuq quddiem biex jiddefendi lil Jason Azzopardi”. Aħna nagħmlu minn kollox biex niddefendu l-liberta’ tal-espressjoni f’pajjiżna. Aħna nagħmlu minn kollox biex ma nħallu lil ħadd jgħid kontra, jgħajjar u jtawwal ilsienu kontra ħadd ieħor. Aħna niġġieldu għad-dritt tal-kelma imma nistennew li meta wieħed jitkellem jgħati l-attenzjoni meħtieġa u ma jużax kliem li jista’ jġibu fl-inkwiet, imbagħad wara li jkun beżaqha jdur fuq il-poplu biex jiddefendih.

F’dan il-każ ma għandniex x’niddefendu għax dan tkellem taħt il-privileġġ tal-kamra. Mela Sur Casa, Malta tagħtu protezzjoni lil Jason Azzopardi. Mela mur aqdi dmirek u tih il-protezzjoni fejn taħdem int, fl-Unjoni Ewropea.

Din hija lezzjoni għad-deputati kollha. Ma jistgħux jitkessħu bil-privileġġ tal-Kamra tal-Parlament. Mhux billi għandek il-privileġġ tal-parlament, ma tistax tarma tparla u tispara fil-vojt.

David Casa għalaq il-post tiegħu b’dan il-kliem “Jason, tħallix dat-theddid iwaqqfek. Jason aħna qegħdin hawn nappoġġjawk. Jason, kuraġġ.” Dan mhux theddid Sur Casa. Din kawża legali, mid-dehra leġittima minn naħa tal-Bulgaru. Almenu Dr Azzopardi qatt ma qal li hija kawża llegali. Sewwa tagħmel tappoġġjah Sur Casa. Hekk jew b’hekk mhux liġi Maltija li allegatament inkissret, imma Ewropea.

Aħna naqblu miegħek u nagħmlulu kuraġġ. Imma iżjed minn hekk ma nistgħux nagħmlu. Skond aħna seta’ jagħmilha għax il-liġi Maltija tippermetti dan l-atteġjament. Imma jekk kiser il-liġi Ewropea, missek ħdimt iżjed Sur Casa biex kont tagħlaq dan ‘il-loophole’.

2 thoughts on “David Casa jiddefendi l-abbuż tal-privileġġ parlamentari Malti

  1. Casa stop making a fool of your self , you should know better after spending so much time in the EU fora .stop defending this loud mouth .village lawyer.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *