Għaliex l-istrateġija BernardPN mhux qed taħdem? Għax minflok niċċekknu qed nitkabbru!

Jekk wieħed jara l-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista illum, wieħed isib li hija ffukata kollha fuq Bernard Grech. Imma strateġija bħal din tagħmel sens? It-tweġiba hija le. Ma tagħmilx sens li jkollok kampanja iffukata kollha fuq Bernard Grech. Għaliex qed ngħid dan? Għaliex biex tagħmel din it-tip ta’ strateġija, trid tkun żgur li l-persuna li fuqha ser tibbażaha hija l-aktar persuna b’saħħitha fil-Partit Nazzjonalista. Illum, Bernard Grech mhux l-aktar persuna b’saħħitha mill-Partit Nazzjonalista.

Infakkar li meta kienet saret din it-tip ta’ kampanja fil-Partit Nazzjonalista u addottaw l-islogan GonziPN, dan kien sar għax sabu li Lawrence Gonzi kien l-aktar MP Nazzjonalista popolari. Kien aktar popolari mill-istess Partit Nazzjonalista. Mela fuq livell strateġiku, kien jagħmel sens li tagħmel kampanja marbuta ma’ ismu. Infakkar li Lawrence Gonzi kellu ħafna ministru li kienu dgħajfin u mgħobbija bil-korruzzjoni. Fuq kollox ma kienux popolari man-nies. Mela kien jagħmel sens li tagħmel kampanja ffukata fuq Lawrence Gonzi. Dan wassal biex ntrebħet l-elezjzoni tal-2008. Biss d-deluzzjoni wara din l-elezzjoni kien kbir wisq għaliex imbagħad Gonzi ma qamx għall-okkazzjoni u b’hekk intilef kull qawwa li ismu kellu mal-elettorat.

Illum għandha sitwazzjoni fejn l-anqas il-kap tal-Partit Laburista, jiġifieri Robert Abela ma huwa aktar importanti jew b’saħħtu mal-elettorat, mill-Partit Laburista nnifsu. Din hija sitwazzjoni li ma kienetx fi żmien Joseph Muscat. Muscat kien jidher ċar li kien aktar b’saħħtu mill-istess Partit Laburista.

B’hekk minflok il-Partit Nazzjonalista qed jibni l-image tiegħu fuq il-kolleġġjalita’, qed ikompli jsaħħaħ l-idea li kollox idur mal-image tal-kap tiegħu. Dan aktar qed iqawwi lill-Partit Laburista.

Din l-istrateġija mhix ser taħdem u ser tkompli ġġib fallimenti fil-Partit Nazzjonalista. L-unika triq li għandu quddiemu, jekk il-PN irid jerbaħ l-elezzjoni hija dik li jingħaqad f’kolleġġjalita’. Din ma tistax tintleħaq billi jitkabbar l-immaġni tal-kap, anżi dak li ried iseħħ huwa dak li qal Kristu jiġifieri “min jiċċekken, jitkabbar.” (Luqa 18, 14)

Leave a Reply

Your email address will not be published.