Il-każ ta’ Edwina Grima li ma rrikużatx ruħha u l-argument tad-deputat avukat ġenerali Philip Galea Farrugia
L-avukati ta’ Yorgen Fenech talbu lill-imħallfa Edwina Grima biex tirrikuża ruħha milli tippresidi l-ġuri ta’ Yorgen Fenech. B’saħħa kbira d-deputat avukat tar-Repubblika, Philip Galea Farrugia riedha tibqa; Edwina Grima ma aċċettax l-argument tad-difiża u b’hekk ser ser tkun l-imħallfa li ser tippresedi fuq il-ġuri ta’ Yorgen Fenech.
Biss mir-rapport ta’ The Times ħareġ dettall li jkolli nammetti ma kontx naf bih. Fit-talba tagħhom, l-avukati ta’ Yorgen Fenech qalu li waħda mir-raġunijiet għala l-imħallfa għandha tirrekuża ruħha ġejja mill-fatt li fuq l-għażla tagħha kien hemm l-involviment tal-uffiċju tal-avukat ġenerali.
Min-naħa tiegħu, id-deputat avukat ġenerali, Philip Galea Farrugia, iddeskriva l-argument tad-difiża bħala konġentura. Hu ma ċaħadx dan l-involviment imma qal li l-avukat ġeneral kien hemm biss biex jara l-proċedura qed issir kif suppost u xejn aktar.

Naħseb dan il-każ jiftaħ dibattitu serju fuq il-proċeduri kriminali f’pajjiżna. Dan għandu jsir irrispettivament mill-każ li għandna quddiem, jiġifieri l-ġuri ta’ Yorgen Fenech.
L-ewwel. Dan il-każ ġab aktar fid-deher li l-uffiċju tal-avukat ġenerali għandu aktar poteri minn dawk tal-avukati ta’ difiża, meta suppost dawn huma ugwali. Skont l-avukati ta’ Yorgen Fenech, l-avukat ġenerali kien involut fl-għażla ta’ mħallef meta l-avukati ta’ Yorgen Fenech ma humiex. Irrispettivament mill-każ fih innifsu, il-fatt li l-avukat tar-repubblika qiegħed b’xi mod parti minn dan il-proċess tal-għażla tal-imħallef jikkostitwixxi konflitt ċar ta’ interess fil-qrati tagħna.
It-tieni. Dan imur kontra dak li riedet il-Venice Commission. Infatti l-Venice Commission kienet qasmet l-uffiċju tal-Avukat tar-Repubblika fi tnejn u fuq suġġeriment tal-Venice Commission ġie kkreat l-uffiċju tal-avukat tal-Istat. Mela l-mistoqsija tiġi waħidha. Għala din il-preżenza biex jivvettja dan il-proċess saret mill-uffiċju tal-avukat ġenerali u mhux mill-uffiċju tal-avukat tal-istat?
Dan il-fatt ġa ser jitfa’ l-imħallef jew l-imħallfa f’dan il-ġuri u f’kull ġuri ieħor li jinqala’ fih f’sitwazzjoni bħal din f’dawl ikrah. Fuq l-għażla tal-imħallef jew imħallfa ma għandu jkun hemm l-anqas l-iċken dubju. Hawn id-dubju qiegħed għaliex b’xi mod l-uffiċju tal-Avukat tar-Repubblika, li ser imexxi il-prosekuzzjoni, kien involut, meta llum dan id-dubju jista’ jitwarrab kieku fuq din il-proċedura kien involut l-uffiċju tal-Avukat tal-Istat.
Għaliex għandu jkun l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika li jara li l-prattika hija kif suppost meta nvolviment bħal dan jikkostitwixxi konflitt ta’ interess?
Għalhekk għandu jkun ċar li min għamel il-verifiki tal-għażla tal-imħallef ma jkunx mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali. Ara kieku dawn il-verifiċi saru mill-uffiċju tal-Avukat tal-Istat, wieħed kien jista’ jargumenta li min għamilhom mhux mill-istess uffiċju u mhux involut fil-proċess kriminali fil-qorti. Dan mhux biss jelimina l-konflitt ta’ interess, iżda joħroġ aktar l-imparzjalita’ fl-għażla tal-imħallef f’dawn il-proċeduri.
Infakkar li kienet il-familja Caruana Galizia u l-avukat tagħha, Jason Azzopardi, li bdew sistema li joġġezzjonaw għall-għażla ta’ maġistrati u mħallfin għar-raġunijiet li mhux ikkontemplati fil-liġi, imma minħabba l-kritika li Daphne Caruana Galizia setgħet għamlet lil dak il-maġistrat jew imħallef, jew lil nies qrib tagħhom jew għaliex il-familja kellha kull interess li ċertu persuni ma jkunux involuti.
F’dan il-każ, l-imħallfa għażlet li ma tirrekużax ruħha. Dik deċizzjoni tagħha u mhux ser nikkummenta dwarha. Biss wara d-deċiżjoni tagħha hemm issa dan id-dell iswed.
Li l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali jindaħal – issa jekk hux fl-għażla kif qalu l-avukati ta’ Yorgen Fenech jew biex jara li l-proċess hux sejjer tajjeb kif qal Philip Galea Farrugia – ma għandix tkun. L-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali ma għandux ikun parti minn din il-proċedura.
Ma jistax ikun hemm l-anqas l-iċken suspett fost il-pubbliku li xi membru minn dan l-uffiċju għandu xi preferiment lejn imħallef jew imħallfa biex tippresidi fuq xi ġuri, jkun liema jkun. Għalhekk qed ninsisti li dan l-uffiċju l-anqas ma għandu jindaħal jew jagħmel xi tip ta’ verifika fuq il-proċedura ta’ min ser ikun imħallef.
Infakkar li 18 ta’ Dicembru 2019, ġie ffurmat l-uffiċju tal-Avukat tal-Istat biex jieħu ħsieb l-aspett ta’ assistenza legali lill-gvern. Għalhekk qed ninsisti li din l-proċedura kellu jieħu ħsiebha l-Avukat tal-Istat u mhux il-uffiċju tal-prosekutur pubbliku. Infakkar li l-Uffiċju tal-Avukat tal-Istat inħoloq, biex jieħu ħsieb dak kollu li għandu x’jaqsam maċ-ċivil, l-amministrattiv u l-kostituzzjonal.
Mill-mod kif iddiskriviha din il-proċedura fil-qorti, l-istess deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia wera li l-preżenza tal-Uffiċju tal-Avukat tar-Repubblika kienet biss xi ħaġa amminstrattiva u xejn aktar. Mela għala din ma għamilhiex l-Uffiċju tal-Avukat tal-Istat? X’interess għandu l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali biex jibqa’ jkun parti minn din il-proċedura? Wara din il-qasma, ma għandu jkollu l-ebda interess li jkun parti mill-proċedura fl-għażla ta’ imħallef fuq xi ġuri. Il-fatti li għadu parti minnha jikkonferma dak li qalu l-avukati tad-difiża ta’ Yorgen Fenech li b’xi mod, dan l-uffiċju għandu ‘say’ fuq l-għażla ta’ liema imħallef jew imħallfa jippresedi fuq xi ġuri. B’hekk jeżisti mekkanizmu fis-sistema ġuridika tagħna li potenzjalment jista’ jintuża mill-prosekutur pubbliku għall-vantaġġ tiegħu.