Il-bieraħ, Dr. Adrian Delia attenda laqgħa li saret fil-Każin Nazzjonalista ta’ Haż-Żebbug
Messaġġ li nbagħat minn persuna li kien għal din il-laqgħa
Il-bieraħ, il-Ġimgħa 3 ta’ Settembru, il-Partit Nazzjonalista sejjaħ laqgħa għall-partitarji tiegħu fil-każin ta’ Ħaż-Żebbuġ. Kienet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino u mill-kelliem prinċipali tal-partit, Peter Agius. Id-diskussjoni kienet miftuħa għaliex infetħet għall-mistoqsijiet mill-ewwel.
Attendew għal-laqgħa diversi partitarji, imma spikkat l-iżjed il-preżenza ta’ Adrian Delia. Madwaru kellu numru ta’ nies mid-distrett li jidhru li huma favur il-kandidatura ta’ Adrian Delia fis-7 distrett. Dr Delia huwa kandidat konfermat fuq it-tmien distrett li ma jinkludiex fih Ħaż-Żebbuġ. Imma dan id-deputat qiegħed fil-Parlament għax kien ċedielu postu deputat tas-seba’ distrett li fih hemm Ħaż-Żebbuġ. Mela jfisser li bħalissa Dr Adrian Delia qed jirrapreżenta lil dan id-distrett fil-Parlament Malti. Barra minn hekk dan huwa deputat li joqgħod Ħaż-Żebbuġ, allura l-laqgħa li saret kienet qiegħda ssir fil-lokalita’ fejn huwa jgħix.
Il-Partit Nazzjonalista bħalissa għaddej minn nominazzjonijiet ta’ diversi kandidati għall-elezzjoni ġenerali li tista’ tiġi din is-sena bħala elezzjoni bikrija, imma wkoll li tista’ ssir sa Settembru tal-2022. Fil-każ speċifiku ta’ Dr Delia, dan għalkemm wera x-xewqat tiegħu, għadu ma jngħatax it-tieni distrett fejn jikkontesta. Mill-prassi li dejjem ħaddan il-Partit Nazzjonalista, l-ewwel għażla ta’ distrett issir mill-kandidat, li fil-każ ta’ Adrian Delia għażel it-tmien distrett, u t-tieni għażla tiġi magħmula mill-Partit għal kandidat partikulari.
Qrajt fuq dan is-sit li Dr Bernard Grech jixtieq jara lil Dr Adrian Delia, ex-Kap tal-Partit, joħroġ fuq xi distrett fin-nofsinhar ta’ Malta, jiġifieri bejn it-2 u l-5 distrett. Imma kif konfermat f’artiklu fuq dan is-sit ukoll, jekk Dr Delia jikkandida ruħu fuq xi distrett minn dawk l-erbgħa jkun se jidħol f’konflitt dirett ma’ nies li ħadmu mill-viċin miegħu kemm dam kap tal-Partit. Mela bħala għażla li ma tweġġa’ ebda kandidat stabbilit, is-7 distrett ikun l-ideali għal Dr Adrian Delia.
Imma mid-dehra l-amministrazzjoni kurrenti ma tridx li toffri is-7 distrett lil Delia. Dan qed jinħass bħala attitudni ta’ pika lejn dan il-kandidat partikulari. Kull kandidat għax irid, għandu konferma ta’ liema huma ż-żewġ distretti fejn se jikkontesta, barra Dr Delia. Interessanti nkunu nafu għalfejn dan it-tkaxkir tas-saqajn kollu? Meta se jgħidulu? Meta jsaffar is-suffara l-Prim Ministru u hekk ikun tard wisq għal kwalunkwe kandidat li jagħmel xogħol u house visits biżżejjed fid-distrett partikulari?