Kun il-bidla: il-veru biddla trid l-ewwel tibda mill-Partit Nazzjonalista nnifsu

Blog post minn osservatur politiku

Kif kien imħabbar f’dan is-sit ftit tal-jiem ilu, il-Partit Nazzjonalista vara website ġdida bl-isem kunilbidla.com. Din il-website ġie varata l-bieraħ permezz ta’ konferenza stampa, li saret filgħodu mill-istess Partit Nazzjonalista. Se nikkwotah kelma b’kelma u niddiskuti wara.

“Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmiliex; Jekk se tagħmilha għax ma għandekx x’tagħmel, forget it; jekk se tagħmilha nofs kedda, insieha; jekk se tagħmilha biex tkun għamiltha, qisni ma għidtlek xejn; imma jekk se tagħmilha għax tħobb, lill-boyfriend, lil uliedek, l-ambjent, lin-nanna, lill-ommok, lil ħuk, lill-missierek, għamilha; Jekk se tagħmilha għax tħobb, għax tħobb il-ħbieb tiegħek, tħobb l-ambjent ta’ madwarek, għax tħobb l-annimali, lill-kuġini, lill-morda; Jekk se tagħmilha biex ma jkunx tard wisq, għax trid ambjent aħjar, għax trid pajjiż ġust, għax trid saħħa aħjar, għax tħobb lil Malta, għax tħobb lill-familja tiegħek; Jekk se tagħmilha għax tħobb lil dawk ta’ madwarek, għax għandek ħolma li trid twettaqha, allura għamilha; jien iddeċidejt. Int x’se tagħmel?”

Meta taqra dawn is-sentenzi hawn fuq, tasal għal xi konkluzzjoni? Le ma tasalx. Hekk ġrali jien meta smajtu biss. Allura kelli nieqaf mix-xogħol li kont qed nagħmel u qatt nara dan ir-reklam. L-ewwel parir, jekk trid tifhem xi ħaġa, tisimgħux biss imma arah ukoll.

It-tieni riflessjoni tiegħi hija din. Il-leħen tal-voice over jidher li hu tal-Kap tal-Partit. Kien hemm għalfejn jaqrah hu wkoll? Dan riklam. Veru jista’ jkun riklam xi ftit importanti, imma ma jaqrahx il-kap tal-partit.

Imbagħad tara l-konferenza stampa u ma jkunx hemm biex ivara l-istess kampanja elettorali. Il-fulkru ta’ kollox f’dan kollu li qed jintqal f’dan ir-riklam huwa, jekk tridx tkun il-bidla. Qabel ma nkun il-bidla għal pajjiż, hemm bżonn aktar bidliet li jiġu qabel il-pajjiż.

Nixtieq nara bidla fil-kap stess tal-partit. U għaliex qed ngħid dan? Kif jista’ partit, li taqbel jew ma taqbilx miegħu, huwa l-uniku partit li jista’ jkun alternattiva tal-partit fil-Gvern, jitmexxa minn xi ħadd li qiegħed 110,000 vot il-bogħod mill-mexxej tal-partit oppost. Il-persentaġġ tant huwa baxx li għandu favur tiegħu, li jinħass minn kulħadd li xi ħaġa trid issir u trid issir malajr.

Nixtieq nara bidla fil-lista tal-kandidati. Jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jidħol bi ftit ċans li jerbaħ l-elezzjoni jrid jinfatam, illum qabel għada, minn dawk li kienu parti importanti fl-eżekuttiv ta’ Gonzi. Minħabba fihom dawn in-nies, il-Partit Nazzjonalista ilu jitlef mill-aħħar rebħa imqansħa fl-2008. Mhux ċajt li, matul tnax-il sena, il-Partit Nazzjonalista tilef kull elezzjoni li affronta. Mhux ċajt li dawk li kienu hemm tnax-il sena ilu jippretendu li jerġgħu jkunu hemm fl-elezzjoni li ġejja. Jekk l-amministrazzjoni tal-Partit ma hiex tinduna li dawn se jkunu l-mażżra ma’ għonq il-partit fl-elezzjoni li ġejja, bil-fors li hemm xi ħaġa li qed twaqqaf lill-partit li jieħu azzjoni.

Nixtieq nara bidla mill-atteġġjament ta’ ħafna deputati u uffiċjali tal-partit, fil-konfront tas-Soċjeta Ċivili. Jiena ma poġġejtx deputati fil-parlament u uffiċjali fil-partit biex imorru jissapportjaw blogger li għamel u għadu jagħmel tant ħsara lill-partit. Jien ma poggejtx deputati fil-parlament u uffiċjali fil-partit li jmorru jidhru spalla ma’ spalla ma’ nies li qed jiddettaw lill-Partit Nazzjonalista. Jiena ma poġġejtx deputati fil-parlament u uffiċjali fil-partit biex ikunu iktar voċiferi fejn tidher is-Soċjeta Ċivili.

Għidtli biex inkun il-bidla Dr Grech. Jien irrispondejt għal dak li nixtieq nara l-ewwel isir bħala bidla fil-partit. Wara nħares lejn il-bidla fil-pajjiż u jekk inkun sodisfatt inkun nista’ nasal biex inkun parti mill-bidla. U dak li nixtieq jien jinbidel qed nitolbu għax verament inħoss imħabba sinċiera lejn il-Partit Nazzjonalista. Din is-sinċerita’ fl-imħabba tiegħi lejn il-Partit ġejja mill-fatt li jien ma għandi bżonn xejn mill-Partit Nazzjonalista, imma nħoss li jekk il-Partit ikun mibni fuq sisien sodi, jista’ jkun verament il-veikolu ta’ ġid għal pajjiżi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *