Kif trid tkun l-istrateġija elettorali tal-Partit Nazzjonalista?

Nisperaw li l-Partit Nazzjonalista jirrifletti sewwa fuq il-kampanja elettorali li beħsiebu jagħmel għall-elezzjoni li ġejja li issa tidher li qiegħda wara l-bieb. Tgħid se jikkommetti l-iżbalji kbar li saru fl-2017 meta kien hemm nuqqas ta’ ħsieb kbir fuq il-kampanja elettorali tiegħu? Tgħid il-kandidati tiegħu se jkunu jistgħu jingħaqdu f’kampanja elettorali kollettiva jew jitilqu għal rashom u jaħdmu l-kampanja tagħhom fuq livell personali u jirkbu biss fuq il-Partit Nazzjonalista biex ifakkru li se joħorġu f’ismu?

Fl-2017 sar żball kardinali meta l-Partit Nazzjonalista rabat il-karru tiegħu kollu mal-korruzzjoni, li fissret li jekk dan l-argument ma kienx emmnut jew mhux ta’ interess lill-elettorat, kienet diffiċli li l-votant jirkeb fuq in-narrattiva tal-Partit Nazzjonalista. Barra minn hekk fl-2017, il-Partit Nazzjonalista ma għofriex soluzzjonijiet kif se jiġġieled il-korruzzjoni li tant tkellem fuqha.

Illum il-korruzzjoni għadha timla paġni fuq paġni ta’ aħbarijiet, imma l-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jirkeb fuq dan il-karru biex jipprova jerbaħ l-elezzjoni ġenerali? Nisperaw li l-istrateġisti ġodda li għandu l-partit jiftħu għajnejhom u jqisu kif se jiġġieldu l-kampanja tiegħu mingħajr ma jħallu lil ħadd jiġbidilhom widnejhom kif għandhom jimxu.

Nisperaw li ma jħallux lil Repubblika et al jieħdu s-sopravvent u jniżżluhom magħhom f’linja ta’ ħsieb li l-Partit Nazzjonalista ma jħaddanx. Fl-2017 irrenjaw l-allegazzjonijiet fażulli dwar Egrant fil-konfront ta’ Joseph Muscat. It-tama li offriet Daphne Caruana Galizia dwar Egrant, li fuq kollox kienet ir-raġuni prinċipali li minħabba fiha saret l-elezzjoni bikrija tal-2017, falliet u ħarġet ta’ ħmar lil Simon Busuttil u lill-grupp kollu ta’ kandidati, għaliex finalment ma wasslet għall-ebda konklużjoni.

Nispera li ma tinqalax xi raġuni jew ma jaħsbux fuq xi ħaġa partikulari, minn dawn il-ħafna affarijiet li għaddejjin bħalissa, biex jagħtuha importanza aktar minn problemi oħra li qed jaħkmu lill-pajjiż. In-negattivita’ li ħakmet lill-Partit Nazzjonalista fil-kampanja elettorali fl-2017 kienet ħalliet impressjoni ħażina fuq l-elettorat.

Dak it-twerwir kollu li kien ixandar Simon Busuttil ma mmaterjaliżżax u mhux talli ħareġ ta’ ċuċ hu, talli kaxkar lil Partit Nazzjonalista kollu miegħu. Ma tistax ma tikkritikax, imma lanqas trid tipprova terbaħ elezzjoni fuq il-ħażin ta’ ħaddieħor. Il-Partit Nazzjonalista jrid ikun pożittiv billi joffri proposti validi, interessanti u fuq kollox fattwali.

Ejja ma nimitgħux in-negativiżżmu li ħalla togħma qarsa kbira fil-politika tal-Partit Nazzjonalista. Food for thought għall-istrateġisti tal-Partit illum. Tgħid il-votant għadu jiftakar l-era tal-Gvern Nazzjonalista fejn ir-reputazzjoni ta’ governanza ħażina, korruzzjoni, degradazzjoni tal-ambjent u nuqqas ta’ ħsieb ħieles kissru l-possibilita’ li jiġbed lejh, per eżempju, il-votant żgħażugħ?

X’se jagħmel il-partit illum biex joqtol dik it-tip ta’ politiku li tagħtu tkaxkir enormi li qatt ma rajna bħalu? Fl-2017 il-Partit Nazzjonalista nqabad fuq sieq waħda. Dan kollu għax ixxandret elezzjoni bikrija. Ebda partit ma għandu jiġrilu hekk. Illum il-Partit Nazzjonalista huwa preparat għall-elezzjoni tiġi meta tiġi? Ma tantx jien konvint.

Dr Bernard Grech qal li se jkun ilu ftit wisq biex iħalli t-timbru tiegħu fuq il-partit. Chris Peregin qal li se jkollu effett fuq l-istrateġija, skond meta ssir l-elezzjoni u allura kemm se jkollu ċans. Tiġi meta tiġi, mhux importanti għall-elettorat. Tiġi meta tiġi, l-elettorat joħroġ jivvota lil min jurih li hu preparat. Mela jekk m’intomx lesti, xammru l-kmiem u preparaw irwieħkom għax verament l-elezzjoni tista’ tkun wara l-bieb. Ftakru fi kliem Kristu  “għax ma tafux f’liema jum jiġi l-Mulej”. Ibdel il-kelma Mulej ma’ elezzjoni u għandek it-tweġiba.

Din id-darba se jkunu l-karattri diviżivi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li ser itellfuh l-elezzjoni? Fl-2017 kien hemm Daphne li għamlet ħsara enormi lill-partit. Kien hemm ukoll star candidates bħal Salvu Mallia u oħrajn li ma għenux minħabba l-kritika qawwija li kienu jużaw mal-partit oppost.

Din is-sena se jkun hemm personaġġi bħal Jason Azzopardi li ser jkompli jpoġġi lill-Partit Nazzjonalista f’sitwazzjonijiet antipatiċi u ma tantx feliċi. Nispera li ma jkunx hemm iżjed minn dawn, bħalma huma dawk li ħsiebhom biss biex jattendu għal-laqgħat ta’ Repubblika et al, li ħafna nies ma jistgħux iħossuhom komdi bihom.

Simon Busuttil kien jaf li ma kellux team formidabbli madwaru u għalhekk ressaq il-partit lejn l-istrateġija GonziPN u wettaq tellieq presidenzjali kontra Joseph Muscat. Li ma rrealizzax Busuttil kienet il-popolarita’ ta’ Muscat kienet kbira ħafna. Ħaseb li Egrant kienet se tkisser lil Muscat imma għarralu bl-ikrah għax laqqgħat l-ikbar telfa elettorali, li qatt esperjenza l-Partit Nazzjonalista mill-indipendenz ‘l hawn.

Jekk Busuttil ma kellux team tajjeb, Bernard Grech qiegħed agħar minnu. Kien ikun ħafna aħjar li kieku ħeles minn dawk ir-ribelli li kulħadd jikkonferma li kissru lill-Partit Nazzjonalista. Kieku ħeles minn dawk, ribelli, li kienu fl-esekuttiv ta’ Gonzi li beda t-triq ta’ tkaxkiriet fenominali. Dawk se jkunu mażżra ma’ għonq il-Partit Nazzjonalista.

Veru li l-votant jista’ jivvota oħrajn imma xorta l-karta tal-vot se tkun tqila fl-idejn, b’dawk li għamlu tant ħsara lill-Partit Nazzjonalista jerġgħu mniżżlin fuqha. L-arroganza tal-Partit Nazzjonalista ntweriet meta fl-2017 resaq lejn l-elezzjoni bil-mentalita’ qaddisa li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tal-qaddisin, bil-mentalita’ tal-‘holier than thou’. Attitudni ħażina għal kollox u dak li jiġri meta tara l-fraka f’għajn ħaddieħor u ma tħossx it-travu f’għajnejk.

Il-Partit Nazzjonalista ħaseb b’mod ħażin ħafna, li qiegħed fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, tilef kull empatija lejn il-votant dubjuż, deher li kien aggressiv u arroganti. Nispera li il-Partit Nazzjonalista jaħdem kemm jiflaħ biex ibiddel dik l-attitudni ħażina li ġa kienet wara t-telfa tal-2017.

Esponenti mportanti tal-Partit Nazzjonalista qed jibagħtu sinjali konfliġġenti ħafna, bl-avviċinanza esaġerata ma’ Repubblika et al. Huma sinjali verament ħżiena li jagħtu importanza kbira l-laqgħat organizzati mis-Soċjeta Ċivili li jidhru verament diviżivi u elitisti. Diġa’ għaddejna minn esperjenza ta’ koalizzjoni li ma qablitx lill-Partit Nazzjonalista imma ħalliet lil min jirkeb u jakkwista’ mill-arma tal-partit għad-dannu tal-istess partit.

Il-Partit Nazzjonalista ma għandux bżonn lil Repubblika et al. Għandu bżonn jinfatam minnhom kemm jista’ jkun malajr. Jekk hemm affarijiet li se jservu bħala mażżra ma’ għonq il-partit fl-eleżżjoni li ġejja, s-Soċjeta’ Ċivili se tkun ta’ massakkru għall-istess partit. L-esperjenza tal-2017 trid tilgħab logħba importanti ħafna fl-istrateġija għall-elezzjoni li ġejja.

B’dispjaċir ngħid li la l-Partit Laburista u wisq inqas il-Partit Nazzjonalista ma għandhomx kap għall-altezza ta’ Joseph Muscat. Illum forsi il-Labour jistgħu jiftaħru inqas b’Robert Abela, imma li hu żgur li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jagħżel elezzjoni presidenzjali oħra, għax jerġa’ jitlef bl-għeruq u x-xniexel.

Importanti li jsaħħaħ it-team tiegħu b’uċuh ġodda, jinfatam minn min qed jagħmillu ħafna ħsara bħal ma huma numru mill-kandidati tiegħu stess u s-Soċjeta Ċivili. Il-Partit Nazzjonalista għandu jippreżenta ruħu bħala partit sovran li ma jħalli lil ħadd ipoġġielu dubbien fuq imnieħru. Irid jidher partit b’saħħtu, magħqud u integru. Irid jibgħat messaġġ ta’ partit kuraġġjuż li hu preparat li jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh mingħajr indħil ta’ ħadd.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *