Il-protesta ta’ nhar it-Tlieta quddiem Kastilja: x’verament kienet tirrappreżenta?
Blog post minn osservatur politiku
Il-protesta tas-Soċjeta Ċivili waslet u għaddiet. Marru Kastilja u semmgħu leħinhom biex jiddefendu lil dawk li ġew attakkati b’miżinformazzjoni minn xi ħadd li sa issa għadu mhux magħruf. Minn tant postijiet għalfejn marru Kastilja? Nispera li mhux qed jimmaġinaw li dan l-aħħar attakk oriġina minn Kastilja? Nispera li mhux qed iħalltu din il-miżinformazzjoni ma’ xi persuna li taħdem Kastilja. Għax biex tmur quddiem Kastilja bil-fors tkun qed timmaġina li hemm xi ħadd minn ġo Kastilja nvolut.
Jafu ferm tajjeb tas-Soċjeta Ċivili li l-Prim Ministru ħeġġeġ lill-awtoritiajiet konċernati biex jippruvaw isolvu u jilqgħu għall-attakki oħra ‘l quddiem. Nafu li l-pulizija qed tieħu dan il-każ bis-serjeta’. Din tista’ tistqies bħala prova ċerta li ma oriġinax minn Kastilja jew min-naħa tal-Partit Laburista, minbarra li kien hemm spoof emails marbuta mal-Prim Ministru.
In-numru ta’ nies preżenti ma tantx bagħat messaġġ ta’ kuraġġ. Kien hemm grupp ta’ nies li ma tantx impressjona. U imn’Alla kien hemm rappreżentanza tajba ta’ rjus mill-Partit Nazzjonalista għaliex kieku lanqas kienu jinġabru. Jekk kellna bżonn konferma ta’ min min hi komposta s-Soċjeta Ċivili, it-Tlieta kellna risposta ċara. Is-Soċjeta Ċivili hija estensjoni tal-Partit Nazzjonalista.
Ħa nipprova nniżżel l-ismijiet tad-deputati tal-Partit Nazzjonalista li kienu hemm. Dawn marru hemm flok wettqu dmirhom u daru xi erba’ t’idjar jikkonvinċu votanti Maltin u Għawdxin jivvutaw għall-partit tagħhom. Imma l-moħħ jitħawwad. Possibbli dawn li se nsemmi hawn jaħsbu li għax imorru għal attivitajiet bħal dawn se jżiedu l-voti għalihom u għall-Partit Nazzjonalista? Possibbli jimmaġinaw li għax marru jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Manuel Delia, se jżidu xi voti fid-distrett tagħhom? Minn dak li nisma’ iktar għandhom ċans tajjeb li jitilfu xi vot jistgħu u mhux jakkwistaw.
Ħalli naraw min kienu. Minn dawk li rajt fuq it-television kien hemm Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina, Claudette Buttigieg, David Thake, Karl Gouder, Robert Cutajar, Therese Comodini Cachia u Roberta Metsola. Kien hemm irjus kbar oħra mill-Partit Nazzjonalista preżenti fosthom Louis Galea, Peter Agius, Mark Anthony Sammut, Graham Bencini, Michael Fenech Adami, Michael Piccinino u Malcolm Custo’.
Is-Soċjeta Ċivili bil-fors li tqis lilha nnifisha bħala partit mill-Partit Nazzjonalista. Jekk toqgħod tifli sewwa l-ismijiet tirrejalizza li ħafna minnhom huma parti ntegrali mir-ribelli, parti kbira tas-17 blue heroes u l-biċċa l-kbira tal-fazzjoni Simon Busuttil. Imbagħad l-amministrazzjoni tal-Partit kurrenti trid tipprova tbellgħalna li ma hiex influwenzata minn Repubblika et al.
Illum kulħadd qed iqis lill-Partit Nazzjonalista u lil Repubblika et al bħala ħaġa waħda. Għalhekk isiru l-laqgħat id-Dar Ċentrali ħalli forsi jiġi mwiegħed l-appoġġ totali lil xulxin. Ħalli jkun hemm qbil li dak li jagħmel wieħed ikun appoġġjat mill-ieħor. Jekk Bernard Grech u l-amministrazzjoni tiegħu huma kuntenti b’dan l-atteġġjament ta’ numru mdaqqas ta’ nies tiegħu, jiena bħala nazzjonalist ninsab disgustat u diżilluż b’din it-tip ta’ tmexxija u saħansitra ta’ din it-tip politika.
Li jkollok dawk in-nies prominenti fil-partit jattendu għal xi ħaġa organizzata minn nies li qed jidhru li ħadu taħt idejhom lill-Partit Nazzjonalista u qisu xejn mhu xejn, allura jien nieħu l-istess atteġġjament u lill-partit tiegħi, li qed inbati ħafna biex ngħaraf dak li dejjem emmint fih, ngħidlu li intom tagħmlu li tridu u jien se nagħmel l-istess fis-siegħa tal-prova. Hija tal-mistħija li tara numru sostanzjali tal-Partit Nazzjonalista jattendu għal xi ħaġa li mhix organizzazzjoni tal-istess Partit tagħhom, biex mingħalihom juru solidarjeta’.
Imbagħad imorru fil-laqgħat tal-għola livell tal-Partit u minflok jitkellmu b’ħalqhom jitkellmu b’ħalq ħaddieħor. It-tajjeb hu li f’dak il-mument tal-prova, jiena u ħafna eluf bħali, se nitkellmu b’moħħna u niktbu b’idejna, u ma aħna se nkunu forċina għal ħadd.
Sriep velenusi PN/Republika.