Giovanna u żewġha Toni ħarġu rebbieħa fuq il-Partit Nazzjonalista u dak Laburista

Blog post minn osservatur politiku

Giovanna Debono flimkien ma’ żewġha Toni, wara snin ta’ terturi, ikkawżati minn Simon Busuttil u sħabu, ħarġu rebbieħa kemm fuq il-Partit Laburista kif ukoll fuq il-Partit Nazzjonalista. Iż-żewġ partiti kienu ta’ għawġ għall-koppja Debono, forsi wieħed iżjed mill-ieħor, imma xorta tawha battikata u nkwiet kbir.

Il-Partit Laburista ried jeqriedha minn fuq il-mappa politika ta’ Għawdex u sa ċertu pont irnexxielu. Il-Partit Nazzjonalista ried jeqridha politikament ukoll għax kellha tiċħad il-whip tal-partit u kellha tmur indipendenti. Barra minn hekk il-bravu Simon Busuttil kien talabha titlaq is-siġġu tagħha fil-Parlament f’isem l-Għawdxin, xi ħaġa li ma kellu ebda dritt jagħmel.

Giovanna Debono ta’ bniedma leali li hi, lil votant Għawdxi ma abbandunatux, imma baqgħet tirrapreżentah u tippronunzia ruħha fil-parlament f’ismu, anke bħala deputat indipendenti. Jiġifieri d-deputata li kienet iġġib numru ta’ voti tant qawwi, li kienet it-tieni wara Eddie Fenech Adami, il-kap dak iż-żmien Dr Simon Busuttil, rid joħdilha s-siġġu fil-Parlament.

Biss fil-ġurnata tat-3 ta’ Settembru 2021 il-Qorti għat-tieni u l-aħħar darba ma sabet l-ebda ħtija fir-raġel ta’ Giovanna Debono. Hija ġurnata ta’ ferħ għal Giovanna Debono, żewġha u l-familja kollha tagħha. Kien ukoll ta’ sodisfazzjon kbir għall-avukat Dr Joe Giglio li ħaqqu tassew prosit li żarma l-akkużi li saru lil Toni Debono.

Kienet ukoll ġurnata sabiħa għal Alex Borg, illum kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista, li baqa’ wara Giovanna dejjem jissapporjtha u jgħaddi magħha minn dan il-kalvarju mhux mistħoqq. Alex ħa post il-mibki missieru, u bħal missieru kien ta’ forċina soda għal Giovanna. Il-Labour kellu ħsieb wieħed, dak li jeqred l-imħabba tal-votant Għawdxi lejn Giovanna u rnexxielu. Kif waqgħet Giovanna minn fuq il-pultruna politika għall-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista ħa ir-rigni politiċi Għawdxin f’idejh u baqa’ għaddej riefnu fuq Chris Said u sħabu.

Fl-2017 bin-nuqqas ta’ Giovanna bħala kandidat għal Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista żied in-numru ta’ voti ġewwa Għawdex, b’tali mod li rebaħ tliet siġġijiet, xi ħaġa li qatt ma għamel qabel, imma li rnexxielu jagħmel għall-ewwel darba. Daqshekk kienet tiswa Giovanna ġewwa Għawdex.

Il-Labour kien iffabrika każ kontra s-Sur Debono, ir-raġel ta’ Giovanna. Il-Labour biex iwaqqa’ lir-teġina attakka lir-re. Biss il-Labour ma għandux is-sewwa warajh fil-każ ta’ Toni Debono. Ivvintaw u pruvaw jaħbu l-ħmieġ li daħlu għalih il-Partit Laburista. Bħal dejjem iż-żejt tela’ f’wiċċ l-ilma u l-verita rebħet, għax is-sewwa jerbaħ żgur. Fil-fatt huwa ovvju li sar minn kollox biex iċappsu lil Toni u martu Giovanna, għax saħansitra intuża l-uniku darba l-istitut tal-whistleblower.

Il-verita’ ħarġet waħedha li anke dan l-istitut ma ntużax sewwa f’dan il-każ. Il-provi preżentati mill-istess whistleblower ma kienux kredibbli għall-qorti. Issa rridu naraw x’riperkussjonijiet se jkun hemm għall-użu daqshekk abusiv tal-Istitut tal-whistleblower. Dan l-istitut ferm importanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni irnexxielhom iċappsuh. Dan ma jistax jiġi wżat mill-Gvern biex jikkastiga lill-avversarji tiegħu imma huwa ħafna aktar importanti li jintuża biex l-operat tal-gvern ikun trasparenti.

Għalhekk irid jinstab mod aħjar kif dan l-istitut jaħdem aħjar mingħajr indħil tal-gvern. Repubblika, Occupy Justice u Manuel Delia għadhom ma stqarru ebda kelma dwar dak li ġara dalgħodu fil-qorti ta’ Għawdex. Forsi ma jistgħu jgħidu xejn minħabba il-qrubija li huma għandhom ma’ Simon Busuttil? Forsi ma jistgħu jgħidu xejn għax kien Simon Busuttil li ta d-daqqa tal-mewt politika lil Giovanna? Forsi ma jistgħu jgħidu xejn għaliex kien Simon Busuttil li qered tant voti Għawdxin bit-tneħħija ta’ Giovanna minn fuq il-lista tal-kandidati tal-Partit tiegħu stess u li tiegħu kien Kap? Forsi ma jistgħu jgħidu xejn għax ikollhom iħammru wiċċ wieħed mill-paladini tagħhom li tant iħokku l-ispalel miegħu f’kull okkażżjoni li jkun preżenti? Lanqas kelma fuq frame up sfaċċat bħal dan ma huma kapaċi jlissnu dawn il-paladini tas-saltna tad-dritt. Lanqas kelma ta’ sodisfazzjoni ma lissnu dawn il-paladini tal-ġustizzja.

Għall-Partit Nazzjonalista jonqos kandidat ieħor li jrid ikun imnaddaf minn kollox minħabba l-qlajjiet essaġerati li ħarġu fuqu. Il-Partit irid jiddikjara b’mod uffiċċjali li dak kollu li ntqal kontra Dr Adrian Delia kien fażul, kien montatura, kien tiġbie tal-verita’, kienet għira u kien riżultat ta’ lsna ħżiena. Hemm il-Partit jibda jara xaqq dawl li verament dak li konna nlissnu fi żminijiet forsi aktar koroh, jibqa’ jibgħat messaġġ ta’ tama u ta’ kuraġġ, għax is-sewwa jerbaħ żgur.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *