Ser issir ġustizzja ma’ dawk in-Nazzjonalisti li twarrbu wara li tela’ Bernard Grech kap?
Blog post minn osservatur politiku
Il-bieraħ, il-Partit Nazzjonalista ħabbara li kien għadu kif vara bord tal-inġustizzja. Naqblu u tajjeb li bħala partit, għalkemm għadu ma jafx meta se ssir l-elezzjoni ġenerali, jibda jaħseb minn issa biex ikollu l-informazzjoni neċessarja ta’ dawk in-nies li soffrew xi inġustizzja mill-Gvern mill-2013 lil hawn.
Tajjeb ukoll li ssir ġustizzja ma’ dawk il-Maltin u l-Għawdxin li taħt Gvernijiet Nazzjonalisti baqgħu b’xiber imnieħer u ma ħadu xejn tal-inġustizzji li sofrew. Huwa nteressanti u nispera li anke jgħidulna kemm ikunu elenkaw minn dawn il-każi matul il-ġimgħat li ġejjien.
Imma jien persważ li dan mhux bord li ma hux se jsib fuq xix jaħdem u persważ li se jkollu każi li diġa resqu għand il-Partit Nazzjonalista. Is-sezzjoni tal-customer care tal-Partit qatt ma waqfet taħdem. Veru li għaddiet minn deputat għall-ieħor u kienet f’idejn diversi nies li għenu lid-deputati rilevanti. Allura nispera li l-bord jitresqulu dawk il-każi kollha li l-partit diġa’ għandu f’idejh u jibda’ jaħdem fuqhom mill-ewwel.
Biss tajjeb ukoll li nġebbdu ftit l-argument. Mela dan il-bord se jieħu f’idejh każi li jinkludu dawk li ġejjien miċ-ċivil, kif ukoll każi ta’ nies li jaħdmu f’xi istituzzjonijiet li b’xi mod jew ieħor jaqgħu taħt l-id twila tal-Gvern. Imma nispera wkoll li l-każi ta’ inġustizzja jinkludu dawk li ġejjien mill-privat, għaliex anke hemm trid tinstab soluzzjoni għall-inġustizzji li xi nies ikunu soffrew.
U anke wkoll jistgħu jieħdu taħt il-kappa tagħhom inġustizzji li saru mill-Partit Nazzjonalista stess. Jaraw kif dawk il-ħafna nies li ġew mormija minn nies li sabu posthom fit-tmexxija tal-partit hekk kif inqaleb il-Kap fl-2020. U jieħdu ħsieb ukoll nies oħra li kienu qed jaħdmu hemm jew kienu jagħtu ħafna ħin minn tagħhom b’xogħol għall-istess partit. Dan il-bord għandu jara kif ċertu nies ġew stmati qishom nies tat-tieni jew tat-tielet klassi.
In-nies li qed imexxu bħalissa ħarsu lejn diversi nies li kienu hemm qabel b’disprezz u ġew jaqgħu u jqumu minn dawn in-nies b’tali mod li ġew jitmellħu kemm taw ħin lill-Partit Nazzjonalista. Niftakru u naraw kif ġew stmati dawk it-tletin fil-mija li ma għoġobhomx jivvutaw lill-kap preżenti u għax qed jgħixu f’demokrazija u għax kienu qed jagħmlu dmirhom f’partit suppost domokratiku, għażlu li jivvutaw lill-kandidat oppost.
Inħajjar lill-bord il-ġdid jara dawn l-attakki esaġerati li saru fuq dawn in-nies għax ivvutaw għal kandidat li ma rebaħx tellieqa li suppost kienet qed issir f’atmosfera demokratika. Nixtieqhom iħarsu lejn nies li kien hemm qabel l-elezzjoni tal-2020 li ġew mgħajra anke ġod-Dar Ċentrali stess, jiġifieri bejn il-ħitan tal-istess Dar minn nies magħrufa. Dawn resqu l-ilmenti tagħhom imma waqgħu fuq widnejn torox u minn għamel l-ilment soffra attakki ħafna agħar.
Tafu bihom dawn sinjuri tal-bord, persuni li ma nistax insemmikom għax ma nafux minn min hu kompost dan l-istess bord? Inħajjar lil persuni tal-bord jisimgħu lil dawk in-nies li ġew insulentati, dan kollu għax wettqu dmirhom u ħadu deċiżżjoni kif kien jidhrilhom.
Ma jfissirx li l-inġustizzji li saru, jridu bil-fors isibu soluzzjoni finanżjarja. Ħafna mill-każi li qed jissemmew li soffrew inġustizzja minn suppost ħuthom Nazzjonalisti, ma humiex qed jistennew rimedju ta’ flus, imma xorta qed jistennew ġustizzja għal mod oxxen li ġew trattati. Nistennew u naraw jekk anke issa dawn it-talbiet humiex se jaqgħu fuq widnejn torox. ‘Charity begins at home’ jgħid l-Ingliż. U jekk dan il-bord irid juri li verament se jesiġi ġustizzja, jagħmel sew li l-ewwel jibda mid-Dar tiegħu u jara min sofra u min kien ħati ta’ inġustizzji li twettqu.

Kollha wedit ferha.