“Jobs for the boys”: id-dħul esagerat u bla rażan ta’ ħaddiema mal-gvern
Blog post minn osservatur politiku
Il-Ministru Clyde Caruana qal, f’dawn il-ġranet, li ż-żmien ta’ ‘jobs for votes’ ta’ qabel l-eleżżjoni ġenerali spiċċaw u ma għadhomx isiru. Dikjarazzjoni bħal din hija, jew gidba jew inkella dan il-ministru partikulari ma jafx x’qed isir madwaru u lanqas jaf eżattament x’qed isir bi flus il-poplu.
Il-Ministru Caruana kien qed jipprova jnaqqas is-saħħa tal-istqarrija tal-Malta Employers Association li, permezz tal-kap tagħha Joseph Farrugia, għamlu fejn qed jgħidu li hemm diversi mpjegati li qed jibdlu l-job u jakkwistaw xogħol mal-Gvern allavolja b’paga inqas. L-MEA qiegħda tgħid li għalkemm għad ma għandniex data tal-elezzjoni dawn l-affarijiet diġa’ qed isiru.
F’dak li qed jiġri jbati s-settur privat għax jintilfu mpjiegi produttivi biex jidħlu jaħdmu mal-Gvern fejn il-produzzjoni ma tkunx eżistenti. U dan isir meta diġa’ diffiċli biex issib nies tas-sena u meta għadna għaddejjin minn pandemija li telfet ħafna xogħol produttiv.
L-agħar li qed imorru huma x-xogħol fis-setturi ta’ ospitalita, tal-kostruzzjoni u ta’ kura. Dawn qed jintilfu biex jiżdied in-numru ta’ nies jaħdmu fiċ-ċivil. Eżempju attwali ta’ ‘jobs for the boys’ hija il-gżira Għawdxija. Tliet Ministri Għawdxin jikkompetu ma’ xulxin għall-voti, b’riżultat li mhux normali li 200 ruħ biss jirreġistraw għax-xogħol.
Imma flok Għawdex qed idawwar tajjeb l-ekonomija ta’ pajjiżna, għall-kuntrarju qed jagħmel ħafna ħsara lill-ekonomija nazzjonali. Fil-fatt mill-estimi finanżjarji tal-istess Gvern, il-pagi fis-servizz pubbliku ġewwa Għawdex sparaw ‘l fuq b’40%, minn €19 il-miljun fl-2013 għal €27 miljun fl-2021.
L-ammont ta’ nies fuq it-tindif huwa essaġerat. Dan l-aħħar sa bżonn urġenti ta’ hairdressers kien hemm fil-gżira Għawdxija u kull ma kien hemm rekwiżit kien li tgħaddi minn sempliċi intervista u possibilment tivvota Labour.
Ikollna ngħidu li meta jkollok ċ-ċivil li jimpjega miegħu ħafna nies, li sfortunatament ma jipproduċu xejn, ifisser li dan itellef u jkollu effett negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku. Irid inżidu li forsi l-Ministru caruana għandu raġun għaliex mhux fiċ-ċivil qed jiddaħħlu n-nies, imma l-aktar mal-awtoritajiet fejn hemm ma hemmx regoli ċari, bħal ma għandu ċ-ċivil ta’ kif isir l-ingaġġ tan-nies.
Imbagħad hemm l-issue tal-għoli tal-ħajja. Huwa faċli għall-Ministru tal-Finanzi li jwaħħal fil-pandemija u fi Brexit għal għoli tal-ħajja, sfortunatament żewġ affarijiet li ma għandux kontrol fuqhom. Imma jekk fuq dawn ma jista’ jagħmel xejn, il-Ministru għandu jara, kif suppost jagħmel, li l-ispejjeż tal-Gvern ma jiżdidux b’impjiegi fejn ma hemmx bżonnhom.
Għandu jwaqqaf din l-oxxenita ta’ jobs għal min jivvota lill-ministru partikulari u għall-partit tal-istess Ministru. Biex tkompli tgħaxxaqha din is-sena se jkollna effett kbir fl-ekonomija minħabba n-nuqqas fit-turiżmu. Imma li tqassam, qisu xejn mhu xejn, xogħol lil nies li ftit taż-żmien oħra, per eżempju, jaslu għall-pensjoni, tkun qed issallab il-finanzi tal-Gvern.
Huwa tajjeb għall-Ministru Caruana li jiftaħar li n-nies jaħdmu żdiedu u n-nies jirreġistraw għax-xogħol naqas. Imma l-Ministru jrid jara kif naqas dan in-numru. Jekk żdiedu mal-Gvern, ma tantx hi xi ħaġa li l-Ministru għandu biex jiftaħar biha. Hija sfortuna li tisma’ lil Ministru Caruana, f’dawn l-aħħar ġranet, jiftaħar li qed jaħdmu aktar nies minn qabel bdiet il-pandemija. Jekk dawn qed jaħdmu mal-Gvern, dan se jkun ta’ piż kbir fuq il-pajjiż. Donnu l-Ministru tax-xogħol, Clyde Caruana, l-importanti għalih li dawn l-affarijiet ma jitfaċċawx issa, imma jibqgħu mistura sa meta tgħaddi l-elezzjoni. Għalissa l-importanti li l-Gvern jiftaħar li n-numru ta’ nies qiegħda, huwa l-iktar minimu possibbli. Imbagħad wara l-elezzjoni naraw.