It-tunnel bejn Malta u Għawdex

Blog post minn Osservatur politiku

Sirna nafu li hemm maġġoranza żgħira tal-popolazzjoni Għawdxija li ma jridux it-tunnel bejn Malta u Għawdex. Kieku kellhom jistaqsuni x’nixtieq jien, kont nivvota kontra tiegħu. Ma nistax naċċetta s-sogru li wara li nqerdet Malta, se ssir estensjoni għal Għawdex u mingħajr dubju jinqered Għawdex ukoll.

Hemm ħafna Għawdxin li għadhom jaħdmu Malta li ovvjament jippreferu li jsuqu karozza u jaslu fuq il-lant tax-xogħol tagħhom mingħajr dak il-ħafna telf ta’ ħin għax ikollhom jaqbdu l-vapur. Imma barra minn dawn min hu favur li ż-żewġ gzejjer jingħaqdu?

Għawdex huwa l-ġojjell li biex tgawdih trid tbati ftit, għax ikun hemm bżonn li tagħmel dik l-avventura żgħira biex taqsam bil-vapur. Imma jekk tneħħi dik l-avventura, taħsbu li Għawdex jibqa attraenti bħal ma hu? Taħsbu li jekk tkun dawra bil-karozza biss, il-gżira Għawdxija tibqa’ tattiera Maltin u turisti bħal ma qed tagħmel illum?

L-ewwel li jinqered jew li jkun hemm effett fuqu jkun l-ambjent. Jekk jirrendi ruħu bħala parti minn Malta għax jinvolvi sewqan biss, ikun aktar faċli għal kull min irid jinvesti, li jagħmel dan ġewwa Għawdex. Mela r-ritmu ta’ żvilupp żdied ħafna, u diġa’ hawn ħafna qed jgħidu li minħabba f’hekk Għawdex se jinqered.

Nistieden lil dawk li verament iħobbu lil Għawdex iħarsu ftit lejn ix-Xlendi. Din il-bajja meraviljuża rreduċiet ruħa f’ambjent mibni mingħajr limitu u disinn. In-naħa tal-Munxar tal-bajja spiċċa mibni b’tali mod ikrah li qerdet it-trankwillita li aħna mdorrijien biha ġewwa x-Xlendi. Ma taħsbux li jekk isir it-tunnel se nissograw li nġiebu l-Għawdex kollu bħax-Xlendi?

Imbagħad x’attrazzjoni jibqalha l-gżira Għawdxija? Biex it-tunnel ma jsirx, hemm bżonn li jsir ħafna iżjed investiment fil-gżira Għawdxija. Per eżempju l-port tal-Mġarr sar żgħir biex ilaħħaq mal-opri tal-baħar kollha li jidħlu fih. Huwa neċessarju li dan il-port jikber. In-natura ma għamlitx port u għalhekk sar il-pont neċessarju. Issa hemm bżonn ta’ investiment ieħor biex dan il-port jikber sewwa u jakkomodha t-trasport bil-baħar b’aktar kumdita’.

Iż-żieda tal-fast ferries ukoll kellha effett tajjeb fuq il-komunikazzjoni bejn Malta u Għawdex. Jonqos ftit iktar investiment biex dan it-trasport ikun aktar spiss. Importanti ħafna li jiġi dedikat vapur għall-ġarr tal-kummerċ. Dan ma jistax jibqa’ jitħallat mat-trasport tal-pubbliku imma għandu jkollu vapur speċjalizzat għalih. B’hekk l-Għawdxin ikunu moqdijien b’kollox.

Jekk dawn isiru fuq livell għoli kif mistenni, l-komunikazzjoni għal Għawdex tkun tajba biżżejjed li ma tirrikjedi ebda tunnel. Barra minn hekk hemm dejjem il-possibilita’ ta’ komunikazzjoni bl-ajru. Dan għandu jkun barra minn dak tal-baħar biex jilħaq l-emerġenzi neċessarji u kull kuntatt ieħor għal min ikun jista’ jaffordjah.

Leave a Reply

Your email address will not be published.