L-eks-deputat avukat ġenerali, Tonna Lowell, akkuża lill-avukat ġenerali li qed jivvinta akkużi f’każ relatat ma’ Yorgen Fenech

Għal darba oħra, il-bieraħ, kellna l-ftuħ tal-qorti b’urġenza biex tressaq Yorgen Fenech. Tafu għala din l-urġenza kollha? Għax dan Yorgen Fenech, ħafna snin ilu, allegatament għamel reat finanzjarju ta’ inqas minn 5000 euro. Il-pulizija ħadet aktar minn sentejn biex tinvestiga dan ir-reat, għaliex kif qal l-istess Yorgen Fenech fil-qorti, Ilu issa sentejn il-ħabs u ma jaħdimx! Mela dan hu bniedem miżmum il-ħabs, imma l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika xorta ħass li kellu jiftaħ il-qorti b’urġenza. U l-poplu jħallas għall-kapriċi tal-avukat ġenerali!

Hawn mhux qed nikkritika lill-pulizija talli qed tipproċedi kontra Fenech. Hawn qed nikkritika l-fatt li l-qorti infetħet b’urġenza fuq reat frivolu, meta tqies l-ammont ta’ flus involut. Fuq kollox, u din hija l-isbaħ waħda tal-pulizija, l-ispettur prosekutur ma ridtx juri l-provi li għandu u li fuqhom qed jakkuża lil Yorgen Fenech. Fejn huma l-ministri tal-intern u l-ġustizzja? Fejn huma l-kelliema tal-oppożizzjoni? Dan abbuż ċar mis-sistema penali ta’ pajjiżna.

Biss l-istorja ma waqfitx hawn. Ġew akkużati żewġ persuni oħra imma mhux ċar kif dawn huma relatati – jekk huma – ma’ dan il-każ ta’ Yorgen Fenech. Dawn huma Nicholas Cachia u missieru Joseph Cachia. Dawn qed ikunu akkużati fuq ħasil ta’ flus. Dawn inżamm il-ħabs.

Imbagħad tressqu wkoll il-qorti, iċ-Chief Operations Officer u direttur tal-kumpanija Glimmer Ltd. Dan hu relatat mal-każ ta’ Yorgen Fenech, għaliex Anthony Farrugia u Patrick Demanuele issemmgħu fil-kawża kontra Yorgen Fenech. Demanuele huwa ċ-Chief Operations Officer ta’ Glimmer Ltd, filwaqt li Farrugia huwa eks-direttur tal-istess kumpanija. It-tnejn li huma ċaħdu l-akkużi imma xorta nżammu arrestati.

Ikun f’dan il-mument, li l-avukat difensur ta’ Farrugia u Demanuele, jiġifieri l-avukat Stephen Tonna Lowell jagħmel akkuża serja lill-avukat ġenerali. Infakkar li Stephen Tonna Lowell kien hu stess deputat avukat ġenerali, qabel ma fetaħ għar-rasu bħala avukat. Hawn ser nikkwota mill-gazzetta Illum ħalli ħadd ma jgħid li din hija fake news:

“l-Avukat Stephen Tonna Lowell, akkuża lill-Avukat Ġenerali li qed jivvinta l-akkużi u insista li se jkun qed juri lill-Qorti kif dawn l-akkużi huma kollha vvintati. Meta sfida lill-Prosekuzzjoni biex tgħid x’evidenza għandha f’idha, l-Ispettur insista li dan mhux se jsir f’dan l-istadju.”

Mela persuni jinżammu l-ħabs waqt li l-ispettur jirrifjuta li jagħti l-evidenza! Għalija dan huwa abbuż serju. Kif qal tajjeb wieħed mill-avukati, fil-kawża ta’ Cachia (missier u iben), il-qorti ġabet ruħha differenti ma’ Adrian Hillman. Ara lil dak tagħtu l-liberta proviżorja. Ħeqq mhux ovvju. Hillman ex-direttur ta’ The Times of Malta! X’tistenna aħjar mill-qrati tagħna!

Biss ma rridx ninstema negattiv għal kollox. Għall-inqas wara l-kritika li qed nagħmel f’dan is-sit, għall-ewwel darba l-akkużati saru jafu li huma ser jintressqu il-qorti mingħand il-pulizija u mhux mill-gazzetti, kif kien qed jiġri fil-każijiet relatati ma’ Yorgen Fenech!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *