L-email li bagħat Michael Piccinino jittallab għall-flus

Blog post minn osservatur politiku

Il-bieraħ kien ippubblikat f’dan is-sit li tesserati tal-Partit Nazzjonalista rċevew email mingħand Michael Piccinino. Dan qed jitlob għajnuna finanżjarja mingħand it-tesserati. Hawn naqbel ma min qal li sewwa għamel li wieħed jiġbor il-ftit mingħand il-ħafna. Sa hawn naqbel perfettament.

Imma ppermettuli nagħmel ftit analiżi ta’ din l-email. Fl-email tiegħu isemmi l-qabża li għamel il-Partit Nazzjonalista skond is-survey tat-Times tal-Ħadd 29 ta’ Awissu. Nifhem li jrid jagħmel ftit propaganda biex biegħ il-messaġġ imma naħseb li qara dan is-survey ftit ħażin. Għaliex?

Michael Piccinino qalilna li jaf li l-Gvern Laburista qed jipprepara biex isejjaħ elezzjoni bikrija oħra. Il-Prim Ministru ġa ddeċida li jressaq il-budget fil-11 ta’ Ottobru. Mela skont l-argument ta’ Piccinino, il-Prim Ministru ser jxolji l-Parlament wara d-diskussjoni fuq il-budget mingħajr ma jiġu diskussi d-diversi estimi tal-Ministeri. Fil-fatt Piccinino qed jgħid li “Hemm probabbiltà li tissejjaħ immedjatament wara l-baġit ta’ Ottubru”.

Skond Piccinino, l-Prim Ministru Robert Abela se jsejjaħ elezzjoni bikrija għax ra n-numri tat-Times jduru favur il-Partit Nazzjonalista. Kulħadd persważ li Prim Ministru u Kap ta’ partit politiku ma joqgħodx fuq survey ta’ xi gazzetta privata, imma jippreferixxi jara l-informazzjoni mogħtija lilu mill-istess partit tiegħu. Għalhekk messaġġi bħal dawn jitilfu l-qawwa tagħhom.

Is-survey tat-Times, skond Piccinino, juri li l-poplu qed jibda’ jħoss l-effetti tal-greylisting ta’ pajjiżna. S’issa għadni ma qrajt imkien xi ħaġa li tindika li l-Maltin u l-Għawdxin qed iħossu dawn l-effetti. Qal ukoll li l-poplu qed jaffetwawh l-arroganza u l-inkompetenza tal-ministri. Ħafna minn dawn il-ministri ilhom hemm ħafna snin.

Imma imbagħad qalilna li “F’xahar wieħed biss, skont stħarriġ tat-Times of Malta, il-PN akkwista 20,000 vot, jiġifieri 5,000 vot fil-ġimgħa.” Ferħan se jtir Piccinino qalilna li “Jekk inżommu dan il-momentum, inkunu anke nistgħu nissuperaw lil-Labour sa Novembru.” U skond il-kalkoli ta’ Piccinino jekk il-Prim Ministru jfettillu jagħmel l-elezzjoni f’Marzu 2022, il-Partit Nazzjonalista jkollu vantaġġ ta’ 90,000 vot sal-aħħar ta’ Frar 2022. U din tgħaqqad kollox. “Dan juri li t-tmexxija ta’ Bernard Grech qed taħdem.

Forsi rajt ħażin, imma min għamel il-kalkoli bħal ma għamel Michael Piccinino jaf li Dr Robert Abela qed jgħaddi lil Dr Bernard Grech b’110,000 vot. Tgħid hemm dan id-distakk għax it-tmexxija ta’ Bernard Grech qed taħdem? Jew hemm dan id-distakk għax kemm ilu li laħaq kap, għadu ma qabadx art u d-distakk dejjem tiela? Id-differenza bejn il-partiti naqqset mhux grazzi għall-Partit Nazzjonalista imma għax żdiedu dawk fost il-Laburisti li qed jgħidu li mhux ser jivvutaw, imma mhux lesti li jdawru l-vot. Mela dan qed iseħħ indipendentament mill-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech huwa kap li dejjem qal u ftaħar li ma għandux inkwiet u l-grupp parlamentari kollu jinsab warajh b’ruħu u b’ġismu. Is-Segretarju Ġenerali qed jiftaħar bl-investiment li għamel il-partit. Issa l-Partit Nazzjonalista l-uniku investiment li għamel kien fil-ħaddiema li deħlin jaħdmu miegħu. Ir-ritmu ta’ nies jaħdmu laħaq livelli għola mill-ħaddiema li qed jidħlu jaħdmu mal-Gvern f’Għawdex!

Semma wkoll il-bidliet fil-pożizzjonijiet tat-tmexxija li tħabbru dan l-aħħar. Bil-fors għax inkella hu ma jidħolx fil-kredu. Taf x’ma qalilniex kemm qed jinvesti fih il-partit fi flus, jiġifieri kemm qed jagħtih paga kull xahar.

Imma l-lollipop għat-tesserati waslet ukoll għax Piccinino qed jgħid li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Jien ma nieqafx nistaqsi, issa għandkom bżonn l-għajnuna tagħna? Fl-2017 aħna t-tesserati offrejna l-vot tagħna biex tellajna kap. Intom, inkluż int Dr Piccinino, smajtu dan il-vot f’għajnkom. Bqajtu sa meta wasaltu biex neħħejtu l-għażla tat-tesserati. Mela jekk intom ma stmajtuniex 4 snin ilu, kif tippretendu li nistmakom issa?

Aħna tkellimna u ma tajtux kasna. Issa hemm ħafna tesserati li jħossu li huma għandhom jaqgħu fil-muta u ma jkellmukomx, la bil-kliem u lanqas bil-finanzi. Is-Segretarju Ġenerali għalaq l-email tiegħu b’dan il-mod: “Ejjew inwieġbu għal din is-sejħa b’għaqda u kunfidenza.” Jiddispjaċini Dr Piccinino, l-għaqda kontu intom li kissirtuha meta ma aċċettajtux id-deċiżjoni tat-tesserati.

Kunfidenza ma għandiex fit-tmexxija preżenti. Ma jistax ikolli fiduċja f’nies li ħadmu biex jirredikolaw il-vot tiegħi bħala tesserat. Issa ftakartu fina. Kien ikun aħjar li kieku ftakartu fina u tajtu kasna mill-2017 ‘l hawn.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *