Il-Partit Nazzjonalista huwa aktar maqsum minn qatt qabel

Blog post minn osservatur politiku

X’għandu kontra tiegħu l-Partit Nazzjonalista meta se jkollu jiffaċċja elezzjoni ġenerali? L-aktar ħaġa li qed tkisser lil Partit Nazzjonalista hija d-diviżjoni li għadha ssaltan jekk mhux forsi refgħet rasha ħafna iżjed.

Fi żmien Dr Adrian Delia kien hemm qasma waħda, issa hemm fazzjonijiet diversi li jagħmlu aktar diffiċli biex jgħaqqdu dan il-Partit. Din id-diviżżjoni li qed tirrenja bħalissa qed titfa’ lura lill-Partit Nazzjonalista għaż-żmien ta’ Lawrence Gonzi, meta l-gvern tiegħu dak iż-żmien kien jgħix minn vot għall-ieħor.

Illum il-Partit Nazzjonalista qed jgħix minn survey għall-ieħor bl-istess taqtiegħ il-qalb. Dejjem jistenna n-numri tas-survey għax dejjem bil-biża’ li jagħtuh xi diksata oħra. Anki jekk jidher ċar li minn qed jorganizza dawn is-surveys, jagħmel u jikteb dwarhom b’tali mod li jnaqqas il-gravita’ tan-numri għal Bernard Grech.

La kien kien feliċi għal Dr Lawrence Gonzi u lanqas hu żmien sabiħ għal Dr Bernard Grech. Kif jista’ jippretendi dan il-partit li l-votant javdah bit-tmexxija tal-pajjiż meta għandu diffikulta kbira fit-tmexxija tal-partit tiegħu stess. Kif qed jippretendu d-deputati u l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista li jħajru votanti ġodda jivvutawlhom meta lanqas lil xulxin ma huma kapaċi jikkonvinċu biex issir l-għaqda tant neċessarja lejlet elezzjoni ġenerali.

Wieħed irid jifhem u jagħti każ dik l-enerġija kollha li qed tinħela biex jippruvaw iżommu darhom eżistenti u ffokata. Qed jintlef ħafna ħin fuq ġlied intern li suppost, lejlet elezzjoni, qed ikun dedikat biex tinbena viżjoni u program elettorali professjonali li jista’ jressaq xi vot lejn l-istess Partit.

Min għandu rasu fuq għonqha, bilfors irid jirrifletti fuq dawk it-tliet snin moħlija jattakkaw il-Kap tagħhom. Dak iż-żmien moħli minn deputati li jaħsbu li jafu l-aħjar, għadu jirrifletti fuq it-tmexxija illum. Għad hemm min hu mogħni biex jikkritika flok jiġbed il-ħabel. Hemm bżonn li b’xi mod, li mhux faċli, jaħdmu flimkien biex joffru program tant bżonjuż għall-pajjiż.

Ir-raġuni mogħtija mir-ribelli f’dawk it-tliet snin kienet li kif jilħaq kap ġdid terġa’ tirrenja l-għaqda. Saret din illum? Qed jiġbdu l-istess ħabel dik il-klikka valenuża? Qed isostnu l-kap tagħhom Dr Grech? Jew tilfu rashom, bħalma tilfuha kontra Delia, u reġgħu għal darba oħra qed jagħmlu rewwixta, forsi xi ftit aktar kwieta, kontra kap li tant ħadmu l-istess nies biex ipoġġuh hemm u qed naraw qasma aktar goffa minn żmien Adrian Delia?

Huwa ċar kristallin li t-tqanżieħ ta’ Bernard Grech biex jipprova jgħaqqad il-Partit Nazzjonalista kienu kollu tagħżiq fl-ilma. Ma hemm ebda indikazzjoni li b’xi mod il-fazzjonijiet diversi li hemm fil-Partit Nazzjonalista qed jersqu lejn xulxin jew lejn l-amministrazzjoni ċentrali preżenti.

Din turi l-arroganza u s-suppervja ta’ diversi esponenti tal-Partit li ma jinteresshom xejn mil-kollettiv, imma ffokati biss fuq l-individwalita’ li qed tirrenja b’mod impressjonanti bħalissa. Dawn huma sinjali ċari li l-Partit ma tgħallem xejn minn żminijiet oħra passati u mir-riżultati mid-diversi elezzjonijiet, huma liema huma.

Hawn barra hawn stampa fejn qed tindika li l-Partit Nazzjonalista qatt ma kien diżintegrat bħalma hu bħalissa. Jidher ċar ukoll, li Bernard Grech ma rnexxielux fl-għan prinċipali tiegħu li jgħaqqad il-Partit. Kulħadd jiftakar dak il-ftaħir kollu li kien jindika fil-kampanja tiegħu ta’ kap. Kien jiftaħar li hu medjatur tajjeb ħafna, b’25 sena esperjenza fil-mestjier.

Għalkemm forsi diġa tard, ikun importanti li t-tmexxija tipprova tentattiv ta’ tibdiliet anke kosmetiċi biex almenu jittranġa l-messaġġ li qed jintbagħat li kulħadd jaħdem għal rasu. Billi joqgħodu jaraw u jagħtu l-ponti lil min qed jixxerja l-messaġġi u l-posts tal-kap, li hija sistema nfantili, aħjar jaraw kif se jidhru flimkien u jxandru messaġġi uniti.

L-Oppożizzjoni hija fraġli u hemm bżonn turi li qed tissaħħaħ u tirranġa. Jekk mhux se jagħmlu hekk, se tkun diffiċli għall-votanti li jippruvaw jagħżlu min se jmexxi l-pajjiż. Dawn l-eletturi se jistaqsu, lil min se navdaw biex imexxi l-ekonomija tal-pajjiż tagħna, min jista’ jsaħħaħ il-ħajja soċjali tagħna u min se jiffoka fuq il-kwalita tal-ħajja?

One thought on “Il-Partit Nazzjonalista huwa aktar maqsum minn qatt qabel

Leave a Reply

Your email address will not be published.