X’kellu xi jgħid Michael Piccinino dwar il-Partit Nazzjonalista: li għadu mhux lest jew “work in progress”

Blog minn osservatur politiku

Raphael Vassallo ġurnalist mal-Malta Today kellu intervista mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino. Kellna dikjarazzjonijiet u ammissjonijiet li forsi jiskantaw lil xi wħud.

Fil-bidu tal-intervista għamel ammissjoni li tgħid li l-Partit Nazzjonalista għamel tliet snin fejn tilef l-focus tiegħu fuq livell nazzjonali. Kien iktar ikkonċentrat fuq ġlied u nkwiet ntern. Hu jgħid li ma kienx it-tort tat-tmexxija imma xorta kienu tliet snin li telfu dak li kien qed jiġri f’pajjiżna.

Tieħu pjaċir tisma’ lil Piccinino, li qatt ma kien ixaqleb lejn Adrian Delia, jgħid li t-tort ma kienx ta’ Dr Delia, mela allura tal-klikka li kif ilu jintqal kissret il-Partit Nazzjonalista.

Ammetta wkoll li kien dak iż-żmien li f’Malta tfaċċaw atturi oħrajn li serqu x-xena lill-Partit Nazzjonalista.

Wara l-2013 il-Partit kellu bżonn jerġa’ jiffoka fuqu nnifsu. Imma minħabba ċirkustanzi li kienu għaddejjin il-partit tilef ċans tad-deheb biex jerġa’ jagħti ftit ordni fid-dar tiegħu, qabel jara l-bżonnijiet tan-nazzjon.

Piccinino ammetta li Simon Busuttil kien ħsiebu biss fil-korruzzjoni u governanza tajba u ma nteressahx fuq il-problemi importanti ta’ kuljum. Meta nqatlet Daphne Caruana Galizia Malta nqalbet ta’ taħt fuq u kien dak iż-żmien li s-surveys bdew jeħżienu.

Piccinino ammetta wkoll li għad hemm problemi nterni fil-Partit Nazzjonalista. Mela allura mhux kif qed jgħid Dr Bernard Grech li jipprova jimpressjona meta jgħid li għandu l-grupp parlamentari kollha magħqud warajh.

Piccinino kompla jgħid li issa għandhom team ta’ uffiċċjali fil-post u qed jiffokaw biss fuq l-elezzjoni ġenerali.

Qal ukoll li fi ftit ġimgħat oħra l-viżjoni tal-Partit għall-pajjiż se tkun ħafna aktar ċara. Il-Partit Nazzjonalista se jippubblika l-viżjoni tiegħu u jispera li b’dan f’idejh ikun jista’ jikkonvinċi ħafna iżjed lil dawk, li għalkemm xettiċi bil-partit fil-Gvern, xorta għadhom mhumiex konvinti mill-Partit Nazzjonalista. Dan se jkun ix-xogħol tiegħu u ta’ sħabu sal-elezzjoni li ġejja.

Mistoqsi fuq il-proġett ta’ Marsaskala, Piccinino qal li l-partit tiegħu kien ċar u qabel ma jiġu konsidrati proġetti kbar hemm bżonn ta’ diskussjoni mar-residenti. Għalhekk il-kap tal-partit qal li l-ewwel trid tiġi rtirata l-proposta tal-yacht marina. Issir diskussjoni mar-residenti tal-post biex jaraw x’iridu huma għal-lokalita’ tagħhom. Qed nifhem sew, Bernard Grech qed iħalli tieqa miftuħa biex il-proġett isir wara li tkun saret id-diskussjoni mar-residenti?

Imma għaliex il-votant għandu jagħżel il-Partit Nazzjonalista flok il-Partit Laburista? Ir-raġuni ta’ Piccinino kienet li l-amministrazzjoni qed jaħdmu fuq viżjoni politika ġdida li se tixxandar minn Dr Grech mhux biss fuq l-ambjent imma fuq ħafna suġġetti oħra. Ħalla kollox fil-futur. Risposta ma tax imma jippretendi li jkun hemm l-appoġġ, dan kollu għax qed jgħid li fil-futur se jagħmlu xi ħaġa.

Meta mistoqsi għaliex qed jieħdu daqshekk fit-tul biex jiddikjaraw pożizzjoni bħal per eżempju dwar il-cannabis, Piccinino qal li kemm ilu kap Dr Grech kellu jiffaċċja ħafna taqlib intern, li ħadlu ħafna mill-ħin tiegħu. Kellu jieħu ħsieb ukoll l-istrutturi tal-Partit.

Hawn għandna ammissjoni oħra li qed tgħid li għalkemm tbiddel il-kap, id-diviżżjonijiet baqgħu jirrenjaw fil-Partit Nazzjonalista. Mela kien għalxejn li twarrab Dr Adrian Delia għax dak li kien qed isir fi żmienu issa qed jagħmluh lil Dr Bernard Grech.

Imma issa, skond Piccinino, wasal iż-żmien li jxandru l-viżjoni tagħhom. Hu sostna li mhux sew li l-ġurnalist jgħid li l-partit tiegħu ma ħariġx bi protesti. Hu ddikjara li f’dawn l-aħħar xhur ħarġu proposti fuq il-ħabs, fuq l-enerġija, fuq it-tibdil tal-klima u fuq l-edukazzjoni. Inħalli f’idejn il-qarrejja jiġġudikaw.

Barra minn hekk aħsbu wkoll fuq x’intqal qabel li Dr Grech kien iffukat fuq problemi nterni. Isimgħu x’qal Piccinino fuq l-ideat fil-partit, xi kultant anke konfliġġenti. Kompla jgħid li allavolja l-Partit naqas li jiddiskuti suġġetti bħal libertajiet ċivili, huwa prova jiddefendi lill-partit li hemm bżonn isiru diskussjonijiet interni biex jaslu għall-pożizzjoni fuq suġġett partikulari. Allura għalhekk ilhom żmien twil jiddiskutu l-cannabis u għadhom ma ħarġu b’ebda pożizzjoni. Kompla jgħid li ma jfissirx li jitkeċċew in-nies għax ma jaqblux.

Piccinino fuq dan il-punt li ġej attakka l-clusters li twaqqfu biex issir diskussjoni ffokata fuq suġġett partikulari. Skond Piccinino l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem u għandu jkompli jaħdem b’dan il-mod:

I feel the Nationalist Party should be – and is – doing with regard to all issues. Instead of having four people in a room, deciding on this, that or the other project… we have to identify the people who will be affected, sit down with them, and collectively find a way forward…

Stinka Claudio Grech, aħdem għal xhur sħaħ Dr Delia biex twaqqfu l-clusters ħalli jiġi s-Segretarju Ġenerali, llum, u jgħidlek li mhux bil-clusters se jaħdem imma b’diskussjoni ma kull min ikun involut fuq il-proġett diskuss.

Tkellem ukoll fuq l-NGOs fejn qal li l-Partit tiegħu jaqbel ħafna mal-pożizzjonijiet tagħhom, speċjalment fuq governanza.

Imma mistoqsi jekk il-konfliġġenza ta’ opinjonijiet jistax iwassal għal qsim tal-Partit, Piccinino jgħid li ma jaqbilx għax jemmen li opinjonijiet diversi huma ta’ ġid għall-Partit Nazzjonalista.

Biss Piccinino prova jqabbel lil Eddie Fenech Adami ma’ Bernard Grech u qal li anke Eddie kellu opinjonijiet diversi fil-grupp parlamentari tiegħu. Għal Dr Grech għadu ‘work in progress’, proċess kontinwu li għadu għaddej u Piccinino jgħid li la rnexxielu Eddie, jirnexxielu ukoll Bernard.

Mhux meta tkun taf minn din l-intervista stess li kemm ilu kap Dr Grech ma waqafx jaħdem biex iġib l-għaqda. Mela tfisser li għadu ma rnexxielux u dan ma hu ebda sigriet.

One thought on “X’kellu xi jgħid Michael Piccinino dwar il-Partit Nazzjonalista: li għadu mhux lest jew “work in progress”

Leave a Reply

Your email address will not be published.