Meta ġejja l-elezzjoni? opinjoni differenti dwar id-data

Blog post minn osservatur politiku

Meta ġejja l-elezzjoni? Nafu li din hija deċiżjoni li jrid joħodha l-Prim Ministru. Jekk hux waħdu jew le, dik hija totalment f’idejh. Imma jnutli ħafna spekulazzjoni għax hu biss isaffar is-suffara. Din hija suffara speċjali li qiegħda f’idejn Dr Abela u jużaha meta jkun jidhirlu li huwa l-aħjar għall-pajjiż, jgħidulna.

Imma d-deċiżżjoni tiġi meħuda mill-Prim Ministru meta jħossu komdu, li huwa l-aktar żmien propiżju għall-partit li huwa jmexxi. Kemm tisma’ kliem sabiħ li kull Prim Ministru dejjem qal. Kemm qalulna li l-elezzjoni ssir meta jkun l-aħjar għal pajjiżna. U jekk ma għandiex nemmen dawk il-paroli fil-vojt.

Jiena nemmen li l-elezzjoni ssir, speċjalment meta ssir xi żmien qabel l-għeluq tal-leġislatura, għax hekk ikun jaqbel għall-partit fil-gvern. Araw fl-2017 x’għamel Joseph. Kellu ħafna nkwiet u ried mandat ġdid, għalkemm xorta ma ħadimx favur tiegħu u ma rnexxielux inaqqas l-inkwiet.

Imma meta kellu f’idejh iċ-ċertezza li dak li kien għaddej fil-pajjiż ma kienx qed jagħmillu ħsara numerikament, saffar is-suffara u akkwista ħames snin oħra. U jażżarda jgħidilna Joseph Muscat Prim Ministru li fl-2017 għamel l-elezzjoni għall-ġid tal-pajjiż. Trid tkun mażżun b’ħalq enormi biex temmen xi ħaġa bħal dik.

Issa għandna xenerju differenti. Abela jaf li qiegħed fuq quddiem. Jaf ukoll li hu, fuq livell personali, qed jiġri bil-Kap tal-Oppożizzjoni. Imma jaf ukoll, mid-dehra, li jekk issir f’Marzu jkun hemm ċans li l-partit tiegħu jmur aħjar. Mela din hija deċiżjoni ta’ kemm jaħseb li jkun kuntent bl-ammont ta’ numri favur tiegħu l-Prim Ministru. Kulħadd jaf li kull ġimgħa fil-politika tpinġi stampa differenti.

Imma l-Prim Ministru jaf ukoll għax għandu t-tmexxija finanzjarja f’idejh, li l-effett tal-budget, per eżempju, jista’ jkollu effett tajjeb fuq il-votant u allura jaqbillu li l-budget jinħass fost il-poplu qabel tiġi l-elezzjoni. Li nista’ nistqarr b’onesta hi, li l-magna tal-Partit Laburista taħdem ħafna aħjar mill-magna tal-Partit Nazzjonalista. Eżempju ċar ħadnieh fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien jinsab ottimist qabel l-elezzjoni li daħal biċ-ċans li jegħleb lil Joseph Muscat. Kien ċertissimu li se jnaqqas id-distakk bejn il-partiti jekk ma jerbaħx. Kien persważ li kien importanti li jkompli jħambaq fuq il-korruzzjoni bħala xi ħaġa importanti fil-kampanja elettorali. Tliet fatti li żbaljhom it-tlieta. Riżultat – disfatta akbar mil-2013.

Ħarsu imbagħad in-naħa tal-Labour. Kif għalaq il-ħin tal-voti, kienu persważi li se jerbħu u se jerbħu b’numri tajbin. Saħansitra niftakru qisu l-bieraħ it-tbissima li rajna fil-esponenti tal-Partit Laburista meta daħlu fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar. It-television kulħadd kien qed jarah u l-wiċċ tal-esponenti taż-żewġ naħat kulħadd kien qed jarahom. Mill-ewwel bdew jagħtu ndikazzjonijiet ċari.

Issa għandna sinjal ċar mill-Prim Minstru li l-budget se ikun imxandar fil-11 ta’ Ottubru, 2021. Mela biex jinqara u biex nisimgħu r-risposta u l-kontra risposta tiegħu trid tgħaddi mill-inqas ġimgħa oħra. Imma l-iżjed importanti li l-budget irid jgħaddi mid-diskussjonijiet fuq kull dikasteru jew ministeru. Dawn jieħdu gimgħatejn biex jiġu diskussi kollha. Mela ż-żmien jidika li nidħlu f’Novembru bid-diskussjonijiet.

Qatt ma ġrat li ssir elezzjoni fi żmien il-Milied jew ftit wara. Il-good factor tal-Milied wara budget tajjeb ebda Gvern għadu qatt ma tilfu. Allura donna tidher kważi ċara li l-elezzjoni għal bidu tas-sena 2022.

M’inhiex f’moħħ il-Prim Ministru imma l-loġika u ż-żmien hekk qed jindikaw.

One thought on “Meta ġejja l-elezzjoni? opinjoni differenti dwar id-data

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *