It-Teatrin Nazzjonalista

Minn qarrej ta’ dan il-blog

Hija kważi ħaġa ċerta li l-elezzjoni ser isseħħ fix-xahar ta’ Novembru. Huwa ċert ukoll li l-Partit Nazzjonalista mhux ippreparat għaliha, u b’ċertezza nista’ ngħid li din ser tkun elezzjoni differenti ħafna minn dawk li assistejna għalihom fil-passat. 

Iżda għaliex qed ngħid u nsemmi it-teatrin? Għaliex minn issa l-hemm, dawn l-oqbra mbajda jitfgħu quddiem wiċċhom maskla ġdida. Maskla li jippruvaw ibbellgħulna u jippruvaw jikkonvinċu li huma t-tama tal-pajjiż. Pajjiż li skond huma, għandhom dover u dritt sagrosant li jmexxu, għaliex huma biss tajbin u ħadd aktar. Ovvjament mhux qed nirreferi għall-kandidati kollha tal-partit iżda għal dawk li f’dawn l-aħħar snin niżżlu lil dan il-partit glorjuż fl-abbissi.

Minn issa ‘l quddiem, dawn l-istess nies li meta wieħed kien jiltaqa’ magħhom Strada Rjali l-Belt, kienu jdawru wiċċhom in-naħa l-oħra, minn għada jibdew imorru itaptpu fuq dahar kulħadd u jippruvaw jagħtu l-impressjoni li huma viċin ħafna tan-nies, li lesti jagħmlu minn kollox sabiex jgħinu u mhux ifixklu, kif xebgħu jagħmlu.

Hija ħassra kbira li jekk il-poplu Nazzjonalista ma jirrealizzax dan u jikkanċella kompletament minn fuq il-vot lil dan it-tip ta’ Fariżej, il-partit li tant iħobbu ser jibqa’ ankrat fejn jinstab illum.

Niftakar sewwa kanzunetta  li kienet tintuża sabiex Malta tissieħeb fl-unjoni Ewropeja, “Dan hu l-Mument” u qatt daqs bħalissa ma hu l-ħin opportun sabiex dan is-slogan jerġa’ jiġi attwat. Iva, dan hu l-mument li l-elettorat jeħles darba għal dejjem minn dawn is-sriep li tefgħu valenu letali fuq il-Partit Nazzjonalista. Dan hu l-Mument li is-sewwa jerbaħ żgur. Dan hu l-mument li l-partit li bidel lil Malta, jerġa’ jqum fuq saqajh u jirrappreżentawh fil-Parlament Malti min verament għandu għal qalbu lill-pajjiżu. Nies li huma Nazzjonalisti, li n-nazzjon jiġi l-ewwel.

Nitlob l’Alla li jħares lill-pajjiżna u jillumina l-elettorat fi ħsibijietu.

One thought on “It-Teatrin Nazzjonalista

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *