Joseph Muscat, Melvin Theuma u qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Blog post minn osservatur polltiku

Meta tkellem fuq Melvin Theuma, Muscat ma riedx jispekula. Tidher ċara li l-persuna li ħa l-proklama minn għand Muscat bħala Prim Ministru, ma tantx qed jimpressjonah. Meta kien mistoqsi dwar l-attitudni u l-ħsieb li kellhom il-kriminali li b’Muscat fil-Gvern li mhux se jinqabdu, Muscat qal li bih fil-Gvern il-kriminali ġew arrestati mhux bħal ma ġara f’ta’ Karen Grech u Raymond Caruana.

Meta mistoqsi dwar Yorgen Fenech, Muscat qal li Yorgen Fenech għandu moħħ tajjeb ħafna għall-business, kien bniedem magħruf minn ħafna nies u kien interlokutur tajjeb ħafna. Joseph Muscat irrimarka kemm kien irrabjat li ħarġu fil-pubbliku siltiet minn laqgħat magħluqa u għalhekk skond hu jistgħu jintefgħu dubji fuq l-inkjesta meta jsir dan it-tip ta’ paroli. F’dan ir-rigward, Muscat qal li Keith Schembri mhux dejjem attenda l-laqgħat mas-servizzi tas-sigurta u ammetta li ma jistax jgħid jekk Keith Schembri kienx qed jgħaddi nformazzjoni. Biss ġara x’ġara, kien hu li ħallas il-prezz politiku.

Meta mistoqsi jekk qagħadx għamel xi ħaġa biex ifixkel ir-ritmu tal-investigazzjoni, hu qal biex ma jistaqsux lilu imma jsaqsu lil min mexxa l-inkjesta u jispjegalhom x’kien ir-rwol tiegħu.

Mistoqsi dwar il-laqgħa li kellu ma’ Keith Schembri d-dar tiegħu, lejlet li Keith Schemrbi rreżenja, huwa qal li qabel ma’ Keith Schembri, meta qallu li se jirreżenja. Joseph Muscat qal li apparti li jħalli l-ġustizzja titwettaq, żgur li ma hux se jabbandunah, iktar u iktar meta jaf minn dak kollu li kien għaddej fiżikament.

Muscat jindika li hu għadu mhux ċar f’moħħu, r-raġuni wara l-użu ta’ 17Black u lanqas jista’ jifhem eżatt dak li ġara fl-istorja tal-Montenegro. Mistoqsi jekk jafx kif il-maħfra presidenzjali spiċċat għand Yorgen Fenech, hu jammetti li ma jafx, għax lanqas hu ma kellu kopja tagħha.

Meta tkellem fuq l-aħħar darba li l-pulizija bagħtu għalih, huwa qal li r-raġuni għaliex ma jafhiex. Kull ma jaf li urewh xi transcripts u qalulu li hu ma kienx taħt investigazzjoni, xi ħaġa li kienet ta’ importanza kbira għalih. Qal li ma ħassux beżgħan għax ma kellux għal xix.

Meta mistoqsi dwar l-impunita’ li skond l-inkjesta rriżultat minn Kastilja u infirxet fuq diversi istituzzjonijiet u li waslet għall-kollass tas-saltna tad-dritt, Muscat qal li dak li ħareġ mill-inkjesta, hu qabel miegħu. Imma qed jistaqsi dwar il-fatt ta’ kif inkiteb ir-rapport tal-inkjesta, jista’ jkollu effetti ħżiena fuq il-kawża kriminali.

Muscat kompla, li għalkemm mhux avukat, jispera u jittama li l-Gvern talab il-pariri meħtieġa. Il-biża ta’ Muscat hi li jekk din l-inkjesta tittieħed quddiem il-qorti tad-drittijiet umani u din tikkonkludi li l-inkjesta ppreġudikat il-kawża kriminali, din l-inkjesta tkun saret għal xejn.

Fakkar li l-avukat tal-iStat ma kienx involut f’din l-inkjesta u barra minn hekk, xi ħaġa importanti ħafna, jumejn qabel ħareġ ir-rapport, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qal li l-pajjiż għandu jimplimenta r-rakkomandazzjoniet. Xtaq jippreċiża li t-termini ta’ referenza tal-inkjesta ma kienux jinkludu rakkomandazzjonijiet.

Mistoqsi jekk kienx hemm xi leak, Muscat irrisponda li ma għandux dubju li kien hemm.

Meta kompla fuq l-inkjesta, Muscat qal li din l-istess inkjesta, rreduċiet ruħha għal inkjesta partiġġjana. Bħala eżempju Muscat ta’ l-każ meta kien hemm meta tliet imħallfin li kienu instabu li ħadu xi flus, meta Said Pullicino kien membru tal-ġudikatura fl-2008. Eventwalment Said Pullicino kien sar Prim Mħallef. Muscat staqsa, jekk issa bħala Prim Imħallef, Said Pullicino kellux jerfa’ r-responsabilita ta’ dak li ġara jew le? Ta tweġiba hu stess u qal le. Allura għaliex jekk naqsu l-istituzzjonijiet għandu jeħel il-Prim Ministru?

Bħala għeluq tal-intervista twila tiegħu kien mistoqsi, bħala missier u bniedem tal-familja x’messaġġ tgħaddi lill-familja Caruana Galizia? Muscat qal li għalkemm jaf li se jkun misinterpretat, jista’ jifhem l-uġigħ tagħhom. Ma jistax jasal biex jifhem il-weġgħat bħalhom, għax ommu għadha ħajja. Kompla billi qal li jittama li bħalma hu qed jaċċetta r-rapport tal-inkjesta ta’ Daphne, jittama li l-familja ta’ Daphne jaċċettaw wkoll il-konklużjonijiet li kienu ħarġu mill-inkjesta Egrant.

Lest ukoll li jagħmel apoloġija imma jittama wkoll li l-familja Caruana Galizia jiftakru li kien taħt it-tmexxija tiegħu li nqabad min għamel id-delitt. Muscat ikkonkluda li għalkemm inqabdu, xorta l-omm mhux se terġa tiġi lura.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *