Bernard Grech fi btala barra minn xtutna waqt li jgħid li Malta qed taqbad

Il-bieraħ t’lura, Jason Azzopardi tella’ post biex jirringrazzja lil Bernard Grech ta’ kemm għenu f’dan il-mument diffiċli. Tard il-bieraħ filgħaxija, Jason Azzopardi tella’ post ieħor fuq Facebook biex jattakka lil dawk li qed ixerrdu, dejjem skont l-istess Jason Azzopardi, aħbarijiet foloz fuqu. Bernard Grech anki ħareġ jiddefendi lil Jason Azzopardi għaliex tella’ messaġġ fuq il-Facebook page tiegħu fejn talab lill-Gvern biex jingħaqad miegħu ħalli jiġġieldu kontra dawk li qed ixerrdu dawn l-aħbarijiet.

Persuni li kkontattjawni qaluli kif dan seta’ jagħmlu meta Bernard Grech hu fuq btala twila barra minn Malta, jiġri bil-karavan? Veru li llum bl-internet tibqa’ f’kuntatt, imma veru wkoll li fil-politika trid tkun fuq il-post, ġewwa l-uffiċju tiegħek ħa tagħti d-direzzjonijiet. Minflok, f’dan iż-żmien ta’ tħejjija għall-elezzjoni ġenerali, Grech għażel li jmur fuq vaganza twila. Hemm saħansitra min qed jgħid li din il-btala hija ta’ numru ta’ ġimgħat. Jidher li ser jidħol lura l-uffiċju għada t-Tnejn.

Allaħares għamel din il-paprata Adrian Delia u għamel xi ġimgħat jagħqad u jdur bil-karavan, għax ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. Kieku Manuel Delia ġa tella’ post. The Times, il-Malta Today u Newsbook, bi strateġija kkoordinata bejnithom, tawna sensiela ta’ artikli, jgħidulna kemm dan hu ta’ disunur u kemm dan mhux denju ta’ kap tal-oppożizzjoni li joqgħod dan iż-żmien kollu barra minn Malta. Kieku ġa l-arċisqof Scicluna bagħat tweet biex jurina x’jaħseb u kemm dan hu ta’ dannu morali għall-pajjiżna.

Dak li hu minnu huwa, li kontra dak li kiteb Jason Azzopardi, hemm rabja kbira fost id-deputati Nazzjonalisti għaliex waqt li Bernard Grech jkun qed jieħu l-vaganzi u tgawdija, dan jippretendi li d-deputati joqgħodu jagħmlu share tal-Facebook posts li huwa jtella’. Illum wieħed jifhem għala dan qed jibgħat dawn il-messaġġi li qed jibgħat biex jagħti l-impressjoni li baqa’ f’Malta.

Minflok għadna kap tal-oppożizzjoni li jrid jikkonvinċi lill-poplu Malti li l-ġurnalisti jinsabu taħt theddida waqt li hu qiegħed jitbaħrad barra minn xtutna. Ma tantx naħseb li jemmen f’li qed jgħid għax kieku kien jibqa’ Malta ħalli fiżikament jiġġieled dak li skont huwa sar theddida għall-pajjiżna. Minflok għażel li jagħmel bħal Neruni u qiegħed idoqq l-arpa waqt li Ruma qed taqbad!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *