Joseph Muscat jgħid li dwar il-qtil ta’ Daphne kien hemm tiżgwid mal-investigaturi barranin.
Blog post minn osservatur politiku
F’dan il-blog nixtieq nagħti ħarsa lejn it-tieni parti tal-intervista ta’ Joseph Muscat. Minnha ser nibda biex nislet dan li ġej. Joseph Muscat jgħid li b’riżultat tal-Panama Papers hu ħallas l-għola prezz politiku. Mar għall-elezzjoni għax ma setax jibqa’ għaddej bit-tmexxija tal-pajjiż, għax kien ikkondizzjonat mis-sitwazzjoni li hu u martu kienu qed jiġu mixlija li kellhom kumpanija sigrieta li kienu qed jagħmlu l-flus minnha.
Fakkar, li r-raġel ta’ Daphne kien stqarr fil-qorti li martu qatt ma allegat li hu u martu kienu qed jirċievu flus minn Azerbaijan. Muscat jistaqsi x’kien jiġri kieku hu rriżenja kif ħarġet l-informazzjoni dwar Egrant, imbagħad titfaċċa l-informazzjoni, li xi ħadd iffalsifika l-firem?
Kien jistaqsi lil eventwali Prim Ministru biex iwarrablu? Meta kompla tkellem fuq Egrant, Muscat stqarr li ma jafx ta’ min hi din il-kumpanija. Li hu żgur li ma kienetx tiegħu. Kif il-ġurnalist semmielu diversi persuni viċin tiegħu li allegatament ċċappsu ma’ affarijiet illeċti u diversi spiċċaw il-qorti, Muscat qal li hu ma hux se jiġġudika lil ħadd fuq messaġġi. Stqarr li kellu fiduċja f’min ippunta f’pożizzjonijiet importanti u żgur li ma hu se jsallab lil ħadd fuq messaġġ jew għax kien il-personaġġ tax-xahar fuq il-media.
Hu kkonkluda dan il-punt li la hemm min tressaq quddiem il-ġustizzja, nistennew u naraw. Meta mistoqsi fuq xamma ta’ korruzzjoni minn xi tranżazzjonijiet li għamel il-Gvern fi żmienu, Muscat qal li kull meta staqsa għall-informazzjoni, dejjem ġie mogħti dettalji li kienu jserħulu rasu. Imma jekk fhemx ħażin jew le, għad irid jiġi ġġudikat.
Meta tkellem fuq Keith Schembri hu għamilha ċara li mhux se jkun hu li jarmi lil Schembri. Jammetti li hu ma jieħux deċiżjonijiet bħal dawk speċjalment meta jaf minn dak li għaddej minnu l-istess Schembri. Muscat xorta jsostni li Schembri ħa ħafna deċiżżjonijiet b’intenzjonijiet tajba. Meta mistoqsi jekk hux konvint li l-istituzzjonijiet kienu qed jaħdmu tajjeb, hu qal li kien hemm uffiċjali li naqsu u ma kienux qed jagħmlu xogħolhom kif suppost. Bħala eżempju qal, li Daphne inqatlet meta hu kien Prim Ministru, imma anke taħtu tressqu tliet persuni arrestati, xi ħaġa li grat għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna. Tant Muscat hu konvint li qal lil-ġurnalist jistaqsi li Arnaud dwar dak li għamel hu. Fakkar li għat-tifel ta’ Daphne, Arnaud kien eroj.
Meta tkellem fuq il-powerstation u Konrad Mizzi, hu qal li kien ħa deċiżżjoni iebsa li jwarrab lil Konrad Mizzi minn fuq il-proġett u ma setax jagħmel mod ieħor ħlief li jżommu taħtu. Hu kellu fiduċja f’Konrad Mizzi għax kien jaf li hu biss seta’ jara li l-proġett jitwettaq. Muscat jistqarr li fi żmienu ħalla l-istituzzjonijiet jaħdmu u ma ndaħlilhomx. Biss kellu jkun hu l-uniku Prim Ministru li rriżenja.
Fir-rigward ta’ Keith u Konrad, hu qal li kienu pedini mportanti fil-Gvern tiegħu. Kompla jgħid li mhux se jkun hu li jiġġudika jekk qalulux il-verita u jispera li dan il-fatt joħroġ ‘l quddiem. Żgur mhux se jagħmel bħal ma għamlu lilu, meta kontinwament ġie ġġudikat. Jgħid li wara dak kollu li għadda minnu hu u martu, żgur li mhux se jgħaddi ġudizzju fuq ħadd ieħor.
Mistoqsi dwar Keith Schembri llum, Muscat qal li għal xi żmien qata’ il-kuntatt kollu miegħu, imma reġa’ kkontatjah meta sar jaf bil-pożizzjoni fiżika tiegħu. Jekk Keith daħaqx bih jew le, kollox għad irid joħroġ. Li hu żgur li l-pulizija qatt ma resqu quddiemu isem Keith Schembri, bħala persuna li kienet imdaħħla fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Muscat jgħid li hu ma kellux sehem fid-deċiżżjonijiet dwar l-investigazzjonijiet. L-uniku darba li talbu l-għajnuna tiegħu kienet meta kien hemm xi diżgwid mal-investigaturi barranin u hu qal li jekk il-barranin jitilqu, l-investigazzjoni ma tkunx sostenibbli.
Interessanti li Joseph Muscat xtaq jibqa’ Prim Ministru sa meta jissolva l-każ u wara kien jitlaq.