Yorgen Fenech kellu raġun dwar dak li qal fuq Jason Azzopardi

Blog post minn osservatur politiku

Dr Mercieca wara li qrajt diversi artikli tiegħek dwar Jason Azzopardi u l-gideb tiegħu, wasalt biex nikkonkludi li għall-elezzjoni li ġejja, hemm ċans tajjeb li l-persuna li se ttellef eluf ta’ voti lill-Partit Nazzjonalista, jkun Jason Azzopardi u hu biss. B’hekk hawn naqbel ma’ dak li kien qal Yorgen Fenech dwar Jason Azzopardi. Jekk dan mhux ser jitwarrab mill-Partit Nazzjonalista, dan il-partit ser iġarrab telfa kbria.

Niftakar, għax qrajt fil-qosor ir-rapport tat-telfa li int Dr Mercieca kellek sehem fih, u fhimt li dak in-nhar kontu poġġejtu bħala raġuni prinċipali l-attakki u l-artikli li kienet tikteb Daphne Caruana Galizia u l-Arriva. Dan ir-rapport kien imur lura għall-2013 u anke wara dak ir-rapport, li donnu l-Partit Nazzjonalista ma tgħallem xejn minnu, xorta t-tmexxija ta’ bejn l-2013 u l-2017, reġgħet webbset rasha u affrontat l-elettorat bl-aġenda ta’ Daphne u llum qed taffronta l-elettorat bl-agenda ta’ Manuel Delia li kien il-factotum wara l-Arriva.

Ir-riżultat kien li l-Partit Nazzjonalista ser iġarrab disfatta agħar minn ta’ qabilha. Dan kollu għax, min suppost qara u fehem tajjeb ir-rapport, ma tax każ ta’ l-istess rapport li kien inkiteb wara l-elezzjoni tal-2013. Dak li jiġri meta jkollok nies li ma jagħtux każ ta’ studju li jkun sar u jibqgħu għaddejjin qisu ma nkiteb xejn. Jirriżulta li dak ir-rapport baqa’ jiġbor it-trab għal snin sħaħ. L-Ingliż jgħidlek ‘the writing was on the wall’.

Fil-każ tal-Partit Nazzjonalista, l-kitba kienet fir-rapport imma ġew jitmellħu minnu u spiċċaw bl-agħar prestazzjonijiet li qatt kellu fl-2017. Issa ma hemmx rapport, imma hemm kitba permezz ta’ artikli, kummenti, blogs u ħafna aktar modi, li Jason Azzopardi se jtellef ħafna voti bil-gideb tiegħu. Dan taqrah u tifhmu kontinwament mill-ħafna siltiet li qed jitkellmu fuq dan is-suġġett.

L-agħar hija li dan mhux persuna kwalunkwe, dan huwa deputat tal-Parlament f’isem l-istess Partit Nazzjonalista. Ma nistgħax nifhem kif it-tmexxija preżenti tal-Partit, flok tgħajjatlu u tgħeżżu waħda u tajba, biex forsi jiġi f’sensih, tibqa tiddefendih. Ma nistgħax nifhem kif tista’ tiddefendi dik is-sensiela ta’ gideb li qed ikomplu jitfaċċaw bħalissa.

Dan huwa l-istess deputat li bil-gideb tiegħu, li sfortunatament ġew emmnuti minn esponenti differenti u f’livelli diversi tal-Partit Nazzjonalista, kisser kap ta’ partit u spiċċa mwarrab. Dak li kienu ilu jiġi mixli bih Dr Delia, spiċċa miċħud fuq dikjarazzjoni ffirmata minn l-istess Jason Azzopardi. Għall-Partit Nazzjonalista din ma kienetx biżżejjed.

Li tħarbat Partit minħabba l-gideb essaġerat ta’ Jason Azzopardi ma servietx ta’ tagħlima lit-tmexxija tal-partit bħalissa. Le noħorġu niddefenduh. Mhux biss l-Partit Nazzjonalista qed jiddefendi imma issa għamlu bħalhom anke Repubblika. Robert Aquilina ħareġ fl-oxxenita li hemm diversi livelli ta’ żbalji u dak il-gideb kollu ta’ Jason Azzopardi mhux qiegħed fuq livell għoli, allura aċċettabbli.

Jiġifieri jekk il-Partit u Repubblika qed jaqblu, tal-Partit Nazzjonalista se jaċċettaw anke il-verżjoni ta’ gideb f’livell ta’ dnub venjal u gideb f’livell ta’ dnub mejjet. Tridux tmorru titnejku kollha kemm intom. Tridux tħalluna bi kwietna u tisparixxu minn quddiem in-nies. Tridux tħalluna u ma tgħidux ereżijiet aktar. Ġejjien bil-livelli ta’ żbalji.

Mela dak kollu li tgħallimna minn twelidna, li l-ħażin huwa ħażin dejjem u kullimkien, narmuh barra mit-tieqa, għax hawn għorrief kbar li qed jippriedkaw livelli diversi ta’ żbalji. Ir-ras iebsa tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista bħalissa se tasal fi stat, li jekk terġa tistaqsi għal rapport ieħor wara t-telfa kbira li se terġa tiġi fl-elezzjoni ġenerali li ġejja, r-raġuni prinċipali se tkun il-gideb spjetat ta’ Jason Azzopardi.

Imma mhux dak li jikteb ir-rapport se jkun importanti, imma jrid jinkiteb li t-tmexxija qed tiġi mwieddba minn diversi nies dwar Jason Azzopardi u l-istess tmexxija qed tagħmel bil-maqlub u tiġi taqa’ u tqum minn dak kollu li qed jinkiteb u jingħad dwar dan il-karattru. B’hekk ikolli nikkonkludi kemm kellu raġun Yorgen Fenech li jgħid li l-Partit Nazzjonalista jrid jeħles minn Jason Azzopardi jekk irid jimxi ‘l quddiem.

Leave a Reply

Your email address will not be published.