Kritika li ħalliet il-frott: MPs Nazzjonalisti qed iwiżnu lill-kandidati ġodda anki jekk qed jispiċċaw jiddefendu lil Jason Azzopardi

Ftit tal-jiem ilu kont ktibt artiklu fejn innutajt li l-membri parlamentari Nazzjonalisti ma kienux qed jiġu mistiedna biex jagħtu konferenzi stampa mal-kandidati ġodda. Nieħu pjaċir nara li kien hemm tibdil fl-istrateġija u f’konferenza stampa riċenti, rajna deputat iwieżen kandidati ġodda.

Imma l-Partit Nazzjonalista illum spiċċa jqiegħed lill-kandidati ġodda u lid-deputati tiegħu sitwazzjoni imbarazzanti minħabba l-azzjonijiet ta’ Jason Azzopardi. Se nagħti eżempju ta’ dan li qed ngħid. Din il-ġimgħa kien hemm konferenza minn Clyde Puli, deputat Nazzjonalista u żewġ kollegi tiegħu, li trattat il-ftuħ tal-iskejjel għas-sena skolastika li ġejja. Sa hawn ma hemm xejn ħażin. Anzi l-istrateġija kienet tajba.

X’ġara? Ir-rappreżentant tal-ONE News staqsa mistoqsijiet li ma kellhom x’taqsmu xejn mal-edukazzjoni biss xorta waħda il-Partit Nazzjonalista, jew ir-rappreżentanti tiegħu ma jistgħux ma jwieġbuhomx. Il-mistoqsijiet kienu dawn:

Taqbel ma’ Repubblika u Manuel Delia li Adrian Delia għandu jirreżenja? U x’hemm differenti bejn Adrian Delia u Jason Azzopardi, nafu li dan tal-aħħar ġmielu jiddandan b’ta’ Yorgen Fenech?

Ebda deputat jew kandidat li jkun qed jagħti konferenza stampa ma jieħu pjaċir joqgħod jiddefendi l-azzjonijiet ta’ kollega. Ma għandhomx għalfen jitpoġġew f’sitwazzjoni antipatika li jkollhom jieħdu mistoqsijiet li, ħadd ħlief Jason Azzopardi ma għandu jirrispondi. Dan hu dak li qed jiġri wara l-akkużi serji li qed jagħmel Jason Azzopardi, inkluż lejn kolleġi tiegħu stess fil-Partit Nazzjonalista, bħal meta qal li riedu jeliminawh.

Fi kliem ieħor, dawk li ser ikunu qed jagħmlu dawn il-konferenzi stampa għan-naħa tal-Partit Nazzjonalista ser isibu ma wiċċhom mistoqsijiet li jittrattaw dak li qed jagħmel u jgħid Azzopardi. Ma hiex sitwazzjoni feliċi għall-Partit Nazzjonalista meta jkollok wieħed minn tiegħek, iparla u jisparla u ta’ madwaru jkollhom joqgħodu jiddefendu dak li jgħid u jagħmel.

Xi ħaġa tal-iskantament hija kif wara li ġie mxandar li Jason Azzopardi tawwal idejh u akkwista ħafna affarijiet matul is-snin, it-tmexxija u l-partit tiegħu ħarġu jiddefenduh. Din is-sitwazzjoni ġabet kundanna minn diversi nies, għax ma jistax ikun li bniedem li qed jinkiteb fuqu li akkwista tant affarijiet, ikun issapportjat minn nies li suppost jafu aħjar.

Fuq kollox huwa tal-iskantament li ħbieb tiegħu ta’ Repubblika u tas-soċjeta ċivili joħorġu jiddefenduh b’tali mod li rredikolaw irwieħom. Ħadd qatt ma basar li l-President ta’ Repubblika jirredikola daqstant lilu nnifsu li jgħid li hawn minn jikkommetti żbalji żgħir u oħrajn jikkommettu żbalji kbar. Li takkwista coffee morning għal 100 ruħ, li takkwista weekend breaks ġo lukanda five star, li takkwista safra u tmur Tel Aviv, li takkwista ikliet f’restaurant reputabbli u affarijiet oħra li jistgħu ma nafux bihom, dawn kollha konsidrati minn Robert Aquilina bħala żbalji żgħar.

Dawn is-sitwazzjoni qed ipoġġu lill-Partit Nazzjonalista f’sitwazzjoni antipatika, aktar u aktar meta dan Jason Azzopardi ipaċpaċ bl-addoġġ u jiżloq f’ilsienu speċjalment fuq dak li qed jgħid fuq kolleġi tiegħu fl-istess Partit Nazzjonalista. Dan ġab lill-Partit Nazzjonalista f’pożizzjoni surreali.

Il-Partit Nazzjonalista qed jispiċċa jagħti konferenzi stampa fuq suġġetti speċjalizzati, u meta jasal il-mument tal-mistoqsijiet mill-ġurnalisti, il-kandidati u d-deputati tiegħu qed ikollok jaraw kif jagħmlu biex jiddefendu kollega li daħħal lil dan il-partit sitważżjonijiet imbarazzanti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *