Ir-raġunijiet għala ċ-chats ta’ Keith Schembri għandhom isiru pubbliċi
Blog post minn osservatur politiku
Hawn diversi dikjarazzjonijiet u opinjonijiet jekk għandhomx jiġu pubblikati ċ-chats li hemm fuq it-telephone li għandhom il-pulizija, li kien propjeta ta’ Keith Schembri. Ma jidhirlix li jekk ikun hemm chats li jistgħu jiġu konsidrati bħala fuq livell personali, għandhom ikunu mxandra għall-konsum pubbliku, imma chats fejn hemm involuti politiċi jew nies oħra viċin ħafna tal-politiċi, dawn għandhom jixxandru kollha.
Ma jistax ikun li jitferrxu diċeriji li jwasslu għal ħafna għajdut, li jistgħu jsiru realta’, jekk jiġu pubblikati dawn l-istess chats. Keith Schembri kien u għadu meqjuż bħala persuna politika minħabba l-pożizzjoni li kellu fl-uffiċju tal-Prim Ministru. Il-pożizzjoni li kellu titlob li, la hemm ċertu allegazzjonijiet fuqu, għandu jkun minn lewn id-dinja li dak kollu miktub minnu u dak kollu li rċieva, għandu jiġi rilaxxjat ħalli jkun jaf bih kulħadd.
Ma jistax ikun li f’dan il-pajjiż żgħir tagħna nibqgħu nostru ċertu informazzjoni u forsi agħar minn hekk, ngħadduha lil terzi li jistgħu jkunu nvoluti, imma li din l-informazzjoni tiġi wżata għall-interess privat jew individwali. Dawn għandhom ikunu rilaxxjati għall-interess pubbliku u kulħadd jibni l-opinjoni fuq fatti u mhux fuq diċeriji. Ma jistax ikun li f’dan il-pajjiż jibqgħu jixxandru nsinwazzjonijiet u allegazzjonijiet fuq dak u fuq l-ieħor, mingħajr ma nkunu nafu jekk hux qed issir investigazzjoni jew jekk verament hemmx chats biex jikkonfermaw qlajjiet li jistgħu, fuq kollox, ikunu veritieri.
Għalkemm qed jintqal li dan mhux il-mobile prinċipali li kellu Keith, xorta għandhom jiġu verifikati u mxandra kull ma hemm fuq dan il-mobile għal konsum pubbliku. Jista’ jkun li hemm komunikazzjonijiet li jkunu ta’ għajnuna fuq xi libelli jew affarijiet simili li diġa saru. Jista’ jkun li individwu jkun jonqsu ftit informazzjoni utli, u li tista’ toħroġ minn dawn ic-chats, biex jkun jista’ jutilizza u jwettaq proċeduri neċessarji bi provi f’idejh.
Ħalli nagħti eżempju prattiku. Fil-ġlieda ta’ tliet snin li saret fuq l-ex-Kap tal-Partit Adrian Delia, kien qed jintqal li l-Labour kien qed jagħmel użu minn reverse psychology. Mela jekk Keith Schembri kien imdaħħal f’komunikazzjoni bejn xi sostenituri li setgħu kienu qed jintużaw mill-Partit Laburista, fejn jaslu għal ftehim biex juru li Adrian Delia kien tassew viċin tal-Partit Laburista u saħansitra kien fl-ixkora tal-istess Partit, għaliex ma għandhomx joħorġu?
Meta jsir hekk, il-Partit Laburista jkun qed juża reverse psychology għax minn dan kollu ma jkun jeżisti xejn, imma bi ftehim jgħinu biex ħafna sostenituri tal-Partit Nazzjonalista jaslu għal konklużżjoni mitmugħa lilhom minn ċertu nies. Din in-narrattiva nafu li saret kemm dam Adrian Delia kap. Hija vera? Mhux faċli tippruva!!
Imma jekk fic-chats, li hemm f’dan il-mobile partikulari, jirriżulta xi ħaġa fuq dan l-argument, jiġifieri hemm kommunikazzjoni bejn Keith Schembri u deputati Nazzjonalisti jew esponenti għolja Nazzjonalisti, dawn għandhom jiġu pubblikati mmedjatament. Din għandha tkun informazzjoni pubblika għax hemm ħafna sitważżjonijiet li jiddependu fuq din l-informazzjoni. U jekk għas-saħħa tal-argument kien hemm involuti xi politiċi jew nies qrib il-politiċi tal-Partit Nazzjonalista, iżjed għandha toħroġ din l-informazzjoni kemm jista’ jkun malajr, ħalli jinqatgħu dawn il-ħsibijiet li ilhom għaddejjin fil-pajjiż għal snin sħaħ. Infakkar li l-akkuża li kienet issir lil Adrian Delia kienet li kien qrib il-Partit Laburista.
Li lil Delia kienu jċappsuh, li hu kien fl-ixkora ta’ Joseph Muscat u tal-Partit Laburista, huwa fatt. Jekk kienx hemm manipulazzjoni min-naħa tal-Labour bl-għajnuna ta’ xi rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista, ma jistax jiġi msejjaħ fatt imma hemm possibilita’. F’dawn iċ-chats jidher li hemm il-prova ta’ dan.
F’ċirkostanzi bħal dawn, tajjeb li ċ-chats li hemm fuq il-mobile li nstab, joħorġu għall-konsum pubbliku, għax jista’ jkun li hemm messaġġi li din l-istorja tagħmilha aktar ċara u veritiera. Jekk dawn l-affarijiet joħorġu u c-chats isiru pubbliċi, allura nkunu nistgħu niftaħru kemm verament l-pulizija u l-pajjiż qed jitmexxew b’mod trasparenti għall-aħħar.
Dak li jista’ jirriżulta f’xi chats, jkun jfisser li dak li jkun żbalja jħallas għal għemilu. Biss jidher li hemm persuni fl-awtorita’ li għandhom interess li jħarsu l-interess ta’ dawk li ppruvaw iħammġu lil Adrian Delia.
Naqbel mieghek.