Jason Azzopardi jerġa’ jigdeb fil-protest ġudizzjarju li għamel biex il-kummissarju ma jipproċedix kontra tiegħu

Aħbar senzazzjonali li ta Jason Azzopardi l-bieraħ kienet dik li għajjar lil dawk li qed jiktbu kontra tiegħu bħala merċenarji. Dan qalu fil-protest ġudizzjarju li għamel biex il-pulizija ma tipproċedix kontra tiegħu u kontra Manuel Delia, wara li l-avukati ta’ Yorgen Fenech kitbu lill-kummissarju tal-pulizija biex jipproċedi kontrihom minħabba li ppruvaw jinfluwenzaw imħallef.

Fil-protest tiegħu, Jason Azzopardi qal, bla ma semma lil ħadd b’ismu, li hemm merċenarji mħallsa minn Yorgen Fenech biex jattakkawh. Hu kompla jgħid li hu qatt ma rreaġixxa kontra tagħhom. Giddieb prim kien, giddieb prim għadu u giddieb prim jibqa’. Biss il-gideb tiegħu jemmnuh biss ftit maġistrati u l-imħallfin!

Ħa nsemmi tliet min-nies li kitbu kontra tiegħek u rreaġixxejt kontra tagħhom.

L-ewwel wieħed kien Ċensu Borg, magħruf bħala Ċensu l-Iswed. Nesa dan li kien fetaħ libel kontra tiegħu fuq dak li kiteb fuqu? Hemm Jason Azzopardi ma soffriex fis-skiet.

It-tieni wieħed hu John Borg, magħruf bħala l-Paddy. Nesa Jason Azzopardi li kien fetaħ libel kontra tiegħu. Hemm ma soffriex fis-skiet.

Nahseb li ħadd ma għandu dubju li dawn ma humiex imħallsa minn Yorgen Fenech.

Ieħor li jikteb kontrih huwa jien. Sal-lum għadha ma nġibet l-ebda prova waħda li Yorgen Fenech qed iħallasni! Biss Jason Azzopardi nesa li kien bagħatli ittra premezz tal-avukat Edward Debono wara li kont għidt li hu gideb meta qal li qatt ma ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech. Jien kont għidtlu li kien iltaqa’ miegħu u ried jitfaħli libell. Illum l-istorja tagħtni raġun.

Imbagħad hemm iż-żewġ kawżi ta’ disprezz li nfetħu kontra tiegħi. L-ewwel waħda intavola Jason Azzopardi bħala l-avukat tal-familja Caruana Galizia. Kien akkużani f’isem il-familja Caruana Galizia li rriproduċejt materjal (u dan mhux veru) li verosimilment kien ġej minn attakk mafjuż. Infakkar li l-Maġistrata Rachel Montebello kienet qablet mat-talba u qegħditni taħt disprezz.

F’din l-istess talba, Azzopardi kien talab li għandu jkun investigat minn tella’ dawn ir-recordings, wisq probabli għax ħaseb li tellajthom jien. Il-maġistrata Montebello laqgħet din it-talba tiegħu u ordnat lill-pulizija biex jinvestigaw u jinstab min tella’ dawk il-famużi recordings fuq Reddit. Sal-lum għandhom ma nstabx mill-pulizija min tellagħhom. Jason Azzopardi kien ta anki l-IP tal-kompjuter li ntuża biex jittellgħu. La darba ma sabux min, żgur li ma tellgħahhomx xi “merċenarju” ta’ Yorgen Fenech!

Infakkar li l-familja Caruana Galizia għandha żewġ avukati biex jassistuha, Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi. Mit-tnejn, Azzopardi kiteb it-talba kontra tiegħi fuq disprezz lejn il-qorti. Azzopardi ħaseb li ħa jintimidani u nieqaf nikteb fuqu. Żballja bil-kbir.

Wara daħal sieħbu, id-Deputat Avukat Ġenerali tar-Repubblika, Philip Galea Farrugia li fil-qorti, waqt il-kawżi marbuta ma’ Yorgen Fenech, jieħu s-suġġerimenti min għand Jason Azzopardi x’għandu xi jgħid. Dan talab li nitqiegħed taħt dizpress minħabba li ktibt fuqu u l-Maġistrata Montebello aċċettat it-talba tiegħu. Ħasbu li ser nieqaf u komplejt nikteb fuqhom. Għalhekk Galea Farrugia spiċċa reġa’ għamel talba oħra lill-Maġistrata Montebello fejn qalha li jien qed nitterrorrizzah! Din id-darba l-Maġistrata Rachel Montebello għadha ma tatx deċiżżjoni tagħha fuq dan it-talba.

Il-verita’ hija li Jason Azzopardi ma jiftaħlix libelli fuq dak li qed nikteb fuqu għax jaf li dak qed ngħid huwa l-verita’. Kieku mhux veru ġa fetaħ libel ħalli nuża kliemu biex jiddefendi l-unur tiegħu!

Leave a Reply

Your email address will not be published.