Jason Azzopardi jattakka lil Joseph Muscat għax vera dubji f’Melvin Theuma

Blog post minn osservatur politiku

Skont Jason Azzopardi, Joseph Muscsat uża l-intervista mat-Times of Malta biex jgħaddi pariri lil Yorgen Fenech. Possibbli li ma jirrejalizzax Jason Azzopardi li anke aħna kapaċi nanalizzaw kull kelma li toħroġ minn fomm persuna, hi min hi. Imma anke aħna għandna dritt li nużaw l-imaġinazzjoni tagħna kif irridu aħna u ma nħallux din l-istess imaġinazzjoni tiġri bina, biex naqraw dak li mhux miktub.

Jekk Joseph Muscat irid jgħaddi xi parir lil Yorgen Fenech hemm ħafna mezzi biex jagħmel dan. Ma naħsibx li se juża intervista pubblika, li se jaqra jew jisma kull min irid, biex jagħti l-pariri. Jekk hu hekk allura l-istess Joseph Muscat qed jagħti tgħajjira pulita lill-avukati difensuri tal-istess Fenech. Nispera li bħala avukati kapaċi jaslu għal dak li qal Joseph Muscat. Jekk dan mhux hekk allura Yorgen Fenech għandu għax ikun inkwetat bl-avukati tiegħu.

Araw kemm jimmaġina b’mod fertili Jason Azzopardi. Dan l-avukat kiteb hekk fuq il-facebook page tiegħu hekk,

The more I think about what Muscat said, and why, in his interview, which had nothing new from a journalistic point of view, the more convinced I am that he’s part of a diabolical, orchestrated and masonic plot.

Apparti li Dr Azzopardi jagħti tgħajjira wkoll lil ġurnalista tat-Times għax jikkummenta li l-intervista kollha ma kien fiha xejn ta’interess ġurnalistiku. X’suppost kien qed jistenna Dr Azzopardi minn din l-intervista? Forsi stenna li Joseph Muscat jikkundanna lilu n-nifsu jew lil xi ħadd, dan kollu biex jikkuntenta lil Jason Azzopardi.

Azzopardi jixli lil Joseph Muscat li attakka lil Melvin Theuma. Il-mistoqsijiet jiġu waħedhom, għandu dritt għal opinjoni Muscat? Għandu dritt jgħid li hemm affarijiet li ma jogħġbuhx u ma jarahomx flokhom? Irid xi permess minn għand Jason Azzopardi biex jitkellem Joseph Muscat? Jiġifieri jekk jgħaddi kummenti fuq min ħa l-maħfra presidenzjali jkun ifisser li jkun qed jattakka lix-xhud b’nuqqas ta’ kredibilita’?

Veru qalilna biex ngħaqqdu d-dots, imma dawk ngħaqqduhom kif irridu aħna u mhux kif trid int Dr Azzopardi. Int dejjem tipprova tressaq il-boċċa viċin il-likk. Ormaj kulħadd jaf x’issarraf. Biss trid tifhem li int ma għandekx dritt divin tal-verita jew tal-interpretazzjoni t-tajba. Kulħadd għandu moħħ u kulħadd għandu dritt jaħseb.

Naħseb li kieku ried ikun onest politikament, il-kritika li Jason Azzopardi kellu jagħmel lil Joseph Muscat hija dik li jistaqsi għala dan irrakkommanda lill-President tar-Repubblika li Melvin Theuma jingħata l-maħfra presidenzjali meta llum qiegħed juri biċ-ċar li qed jiddispjaċih li għamel hekk. Żgur li ma kienx għamel ġudizzju tajjeb f’dan il-każ. Ara fuq dan il-punt, Jason Azzopardi u l-Oppożizzjoni ma tgħid xejn. Min jaf għaliex?

https://www.maltatoday.com.mt/news/national/111596/jason_azzopardi_muscat_used_times_interview_to_give_legal_advice_to_yorgen_fenech_?fbclid=IwAR3UWR9bJxf1rfyyN-Izt0F76LdKPT6AcpI7_B0Es1t–O_pO6xtzu-FQf8

One thought on “Jason Azzopardi jattakka lil Joseph Muscat għax vera dubji f’Melvin Theuma

Leave a Reply

Your email address will not be published.