It-tweġibiet li ta Robert Aquilina lill-ġurnalista Colin Deguara ta’ One News

Il-President ta’ l-Għaqda Repubblika, Robert Aquilina ta konferenza oħra quddiem id-depot. Wara li qara d-diskors tiegħu, ħa l-mistoqsijiet mill-ġurnalisti. Araw ftit l-arroganza ta’ Repubblika u n-nies li jirrapreżentaw. Hawn se nagħti kelma b’kelma l-mistoqsijiet u r-risposti, għax interessanti, li għamel Colin Deguara ta’ ONE News lil Robert Aquilina. Se nħalli kollox bla kumment għax tajjeb li l-qarrejja jiġbdu r-reazzjonijiet tagħhom.

Colin Deguara staqsa: “Intom tlabtu għar-riżenja ta’ Adrian Delia wara rapport li ħareġ fuq allegat komunikazzjonijiet ma’ Yorgen Fenech, f’kummenti meta kien qed isir dibattitu parlamentari dwar 17-Black. Adrian Delia għamel libell u qal li hemm min qed jigdeb dwaru intenzjonalment. Inti wkoll wara li għamilt ir-rapport tiegħek qed tigdeb dwaru intenzjonalment?

Robert Aquilina wieġeb; “Aħna ma għadniex dak li għidt int. Aħna għidna li jekk dak li intqal dwar Adrian Delia huwa minnu, ikun hemm provi dwaru, Adrian Delia jkollu jirreżenja, jiġifieri aħna ma għidniex dak li għidt inti.”

Colin Deguara kompla jistaqsi: “Dwar Jason Azzopardi x’inhi l-pożizzjoni tagħkom, dan ħa ikliet, stays ġo lukandi, hemm anke issa qed joħorġu d-dettalji dwar coffee morning illi kellu qabel elezzjonijiet, x’inhi l-pożizzjoni tagħkom?

Robert Aquilina wieġeb; “Jason Azzopardi flimkien ma’ persuni oħra, wara li ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia intefa’ b’ruħu u ġismu flimkien magħna biex dal-pajjiż ikollna ġustizzja. Aħna mhux se nippermettu li Yorgen Fenech jiġbed l-ispag tagħna. Yorgen Fenech jgħid li jrid, jikxef li jrid, pero mhux se jwaqqaf lilna u lil min jikkollabora magħna.”

Colin Deguara jkompli jistaqsi; “Jiġifieri min-naħa hija naqra surreali, min-naħa tridu li min iġorr responsabilita’, kif għadek kif għidt issa fuq Adrian Delia, imbagħad min-naħa l-oħra Jason Azzopardi li tista’ tgħid li jekk hemm sitwazzjoni illi hija kważi l-istess, hemmhekk alright, qisu għalikom jgħaddi kollox?

Robert Aquilina wieġeb: “Le mhuwiex l-istess, qiegħdin nitkellmu dwaru. Jekk irridu nqabblu, nqabblu lil Ministru tal-Ġustizzja illi wara li rriżulta…

Colin Deguara jinterrompi u jistaqsi: “Imma x’differenza hemm bejniethom. Jekk qed taraw xi differenza għallinqas spjegawha ħa narawha aħna wkoll u n-nies?

Robert Aquilina jkompli; “Jekk qiegħdin ngħidu li Jason Azzopardi ħa xi affarijiet minn għand il-familja Fenech, jiena ma naqbilx magħhom, pero ma tistax tqabbilhom ma dak illi għamel il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, għar-raġuni illi Edward Zammit Lewis wara li sar magħruf pubblikament illi Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija li twaqqfet għall-korruzzjoni, 17-Black, zamm kuntatt miegħu u mhux talli żamm kuntatt miegħu….

Colin Deguara kompla jistaqsi; “Tgħidu daqstant kontra l-indħil tan-negozji fil-politiku, allura ma għandkomx problema b’Jason Azzopardi?

Robert Aquilina wieġeb: “Nerġa’ ngħidlek illi aħna ma naqblux illi politiċi u persuni oħra għandhom jieħdu affarijiet b’xejn minn għand negozjanti, pero mhux kull ħażin huwa tal-istess livell u allura nerġa’ ngħidlek illi huwa evidenti, imma ma nistgħax ma ninnotax li din l-informazzjoni bil-fors ħarġet minn għand Yorgen Fenech u aħna mhux se nħallu lil Yorgen Fenech jigbed l-ispag tagħna. Hu evidenti li Yorgen Fenech mhuwiex komdu bina u m’huwiex komdu b’Jason Azzopardi.”

Colin Deguara jerġa jistaqsi; ‘Ma nafx jekk forsi tistgħax tilluminana għaliex Repubblika tħoss li għandha dritt tagħżel lil min ikun Prim Ministru, lil min ikun Kap tal-Oppożizzjoni, kważi kważi tiddetta l-aġenda taż-żewġ partiti meta huwa ċar li, jekk tista’ tgħid hekk, Repubblika hija wkoll f’minoranza għax ħafna nies ma jaqblux magħha?

Robert Aquilina rrisponda; “F’demokrazija d-dritt taċ-ċittadini m’huwiex biss illi jivvutaw. Demokrazija hi mod ta’ kif ngħixu, u minoranzi f’demokrazija, anke persuna waħda għandha d-drittijiet tagħha u allura meta aħna noġġezzjonaw għall-imġieba ħażina min-naħa ta’ politiċi, aħna mhux qiegħdin ngħidu li aħna waħedna, minoranza, għandha dritt tagħżel min ikun Prim Ministru, pero f’demokrazija teżisti soċjeta ċivili illi tiġġieled dak li hu ħażin.

Colin Deguara kompla jistaqsi: “Bla dubju, imma kif titkellmu, titkellmu bi prepotenza, tesiġu, rridu, jiġifieri din ninnotawha ħafna anke bħala ġurnalisti fid-diskors tagħkom?

Robert Aquilina wieġbu; “Illum Repubblika hi waħda mill-ikbar NGOs illi jeżistu f’Malta u allura meta nitkellmu, mingħajr ma jkollna l-illużżjoni illi qed nirrapreżentaw ir-rieda tal-maġġoranza tal-Maltin, pero qed nirrapreżentaw minoranza m’hijiex żgħira tal-poplu Malti, u din il-minoranza għandha drittijiet tagħha kif wara kollox għandha l-maġġoranza, jiġifieri m’huwiex sew lanqas illi l-maġġoranza li tkun eleġġiet gvern tiġi traduta minn gvern li eleġġiet hi stess.

Colin Deguara staqsa. “Min ma jaqbilx ma’ Repubblika għandu fehma ħażina?

Robert Aquilina wieġeb, “Jiena ma ngħidx hekk, għaliex jiena mhux se nkun arroganti. Jien li ngħid huwa illi l-gvern qiegħed jisgwida u jimmanipula lill-poplu u aħna xogħolna huwa li dan niqfulu.

Colin Deguara jerġa’ jistaqsi; “Jiġifieri min ma jaqbilx magħkom hu manipulat?

Robert Aquilina jwieġeb; “Mhux qiegħdin ngħidu hekk. Qiegħdin ngħidu illi parti minn xogħolna huwa illi nispjegaw lill-poplu dwar każijiet fejn ikun hemm abbuż u qed naraw illi dal-gvern qiegħed sistematikament jabbuża.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *