X’qal eżatt Joseph Muscat dwar l-ekonomija u l-politika fl-intervista li kellu ma’ Herman Grech?

Blog post minn osservatur politiku

Meta Joseph Muscat ġie mistoqsi minn Herman Grech kif minn daqshekk suċċessi ekonomiċi, Malta xorta spiċċat fil-lista l-griża, Muscat irrisponda li sewwa jagħmel il-Gvern ta’ Abela li jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-esperti internazzjonali. Hu ma għandux l-informazzjoni kollha kif Malta spiċċat hemm, imma jaħseb u jaqbel li dak kollu li ntqal fuq Daphne Caruana Galizia u dak li ġara wara, kellu effett fuq id-deċiżżjoni tal-FATF.

Muscat isemmi wkoll li kien hemm pajjiżi kompetituri tagħna li taw palata biex Malta spiċċat hemm minħabba l-kwistjoni tat-taxxa u s-settur tal-gaming. Mistoqsi min huma dawn il-pajjiżi, Muscat qal li ma riedx jispekula imma bħala eżempju semma lil Fillandia li kellha rapport ħafna agħar minn tagħna. Hawnhekk Muscat qal li d-differenza prinċipali kienet li l-pajjiżi l-oħra kienu magħqudin, mhux bħal Malta li kellha l-Oppożizzjoni taħdem kontra l-Gvern.

Din hija pjuttost goffa min-naħa ta’ Muscat meta nafu li f’Malta iktar minn 90% tal-liġijiet jgħaddu bi qbil bejn iż-żewġ partiti. Biex isaħħaħ l-argument, Muscat fakkarna fil-każ tal-vapur Erika li kien tilef ħafna żejt il-barra minn Franza. Huwa qal li l-Oppożizzjoni Laburista dak in-nhar ma ħadmitx kontra Malta. Illum, kompla jgħid Muscat, għandna Oppożizzjoni lesta li tinċita n-nies kontra pajjiżha.

Il-ġurnalist semmielu għaliex l-FATF għamlet hekk:

a) għax ma tafdax lil Malta,

b) għax kien hawn ħafna ħasil tal-flus,

c) għax ġurnalista nqatlet u

d) elementi fil-pulizija għamlu ħilithom biex ma jissolvix il-każ.

Biex jiddefedi ruħu, Muscat fakkar f’dak li kien għamel Lawrence Gonzi, it-tifel tiegħu, John Dalli u oħrajn u qal li hu mexa ta’ raġel ma kull wieħed minnhom u ma attakkhomx għal ġid tal-pajjiż. Muscat qal dan biex ikompli n-narrattiva u mhux iħallieha nieqsa mill-verita kompluta.

Mistoqsi kif jiddeskrivi l-legat tiegħu, Muscat qal li għadu żgħir u hemm iżjed x’isir.

Mistoqsi x’kien jagħmel differenti kieku qiegħed Prim Ministru issa, Joseph Muscat qal li kien jitkellem iżjed man-nies, speċjalment żgħażagħ, u mhux jagħti importanza lill-media soċjali.

Mistoqsi jekk imur lura x’ibiddel, Muscat qal li hu jħares biss lejn il-futur. Hu ammetta li għandu dispjaċiri fuq kif marru ċertu affarijiet. Imma għandu affarijiet li hu kburi bihom.

Meta mistoqsi x’qed jagħmel illum, hu qal li qed jagħti konsulenzi bħala ekonomista. Hu kkonferma li ġieli mar Dubai biex jagħti dawn il-pariri imma rrisponda le għall-mistoqsija jekk jagħtix pariri lil Steward Global Healthcare għax ma jaħdimx ma min għandu kuntratt mal-Gvern Malti.

Jeskludi li jirritorna fil-politika Maltija staqsa l-ġurnalist. Jekk jibqgħu jdejquh billi jsemmu ismu l-ħin kollu ma jeskludihix imma mhux għall-elezzjoni li ġejja u mhux bħala Prim Ministru jew xi ħaġa simili.

Eskluda wkoll xi pożizzjoni pubblika. Enfasizza li qatt mhu se jgħid kelma li tweġġa lill-Partit Laburista u jgħid li lanqas hu rrabjat. Hu għamel referenza għar-rabja li għad għandu Simon Busuttil għaliex ma għadux Kap u kemm għamel ħsara lil ta’ warajh. Fuq din nammetti li naqbel miegħu mija fil-mija. Muscat ma għandu ebda ħsieb li jfixkel lil Abela.

Muscat jiddikjara li ma jaqbilx mal-interpretazzjoni tal-kelma ‘Stat’ għaliex l-iStat jinkludi kull istituzzjoni li taħdem għall-pajjiż. Fl-opinjoni ta’ Muscat l-ikbar għadu tal-partit tiegħu mhux li l-Labour jitlef l-elezzjoni għax għadu popolari biżżejjed biex jerbaħ grazzi għall-Partit Nazzjonalista li ma nbidel xejn u xi nies minn tiegħu ħalfu li għax ma jistgħux jieħdu l-Gvern allura jiġġamjaw kemm jifilħu dak kollu li jista jsir fil-pajjiż.

Muscat ikompli jgħid li l-biża tal-Gvern għandha tkun dwar l-attakki li qed isiru fuq nies taċ-ċivil bħal l-avukat ġenerali u s-segretarju permanenti tal-Ministeru tal-Finanzi, li kien appuntah Lawrence Gonzi. Dan jista’ jnaqqas il-possibilita’ li l-Gvern jieħu d-deċiżżjonijiet neċessarji. Muscat isostni li Abela sejjer tajjeb u għandu l-vantaġġ li hu avukat, biss hu ma kellux opinjoni meta kien hemm it-tellieqa ta’ Mexxej. Ammetta li kienet il-mara tiegħu li qalet li tippreferi lil Abela minn Fearne. Ħafna jikkummentaw fuq ir-relazzjoni bejn Abela u Muscat. Hawn Muscat bagħat messaġġ qawwi lil Abela meta qal li hu mhux se jkellem lil Abela imma Abela jaf li hu dejjem lest li jirrispondi jekk ikun hemm il-bżonn.

One thought on “X’qal eżatt Joseph Muscat dwar l-ekonomija u l-politika fl-intervista li kellu ma’ Herman Grech?

Leave a Reply

Your email address will not be published.