Intervista ma’ Joseph Muscat: kapaċita’ li jirrispondi malajr mistoqsijiet diffiċli li kieku saru lil ħaddieħor kienu jsammruh

Minn osservatur politiku

Il-ġurnalist tat-Times of Malta, Herman Grech, jibda l-intervista ma’ Joseph Muscat b’ammissjoni fejn jistqarr li Joseph Muscat għadu meqjus bħala wieħed mill-iżjed Prim Ministri popolari fil-pajjiż, wara li ta żewġ rebħiet enormi f’elezzjonijiet ġenerali lill-partit tiegħu. Imma tmintax-il xahar wara li rriżenja u wara li waslet il-lista l-griża tal-FATF, hemm ħafna esponenti fil-Partit Laburista li jriduh barra mill-istess partit. Biss Joseph Muscat joħroġ l-abilita’ tiegħu u l-kapaċita’ tiegħu li jirrispondi mistoqsijiet diffiċli b’reazzjoni ta’ malajr.

Joseph Muscat jirribatti meta jgħid li hemm biżibilju nies li jagħtuh sapport kuljum. Biex jnaqqas dawn l-attakki minn fuqu, Muscat jgħid li hemm kantaliena ta’ kummenti li mhux biss jiddefenduh imma li jagħtuh sapport qawwi. Li jsostni Muscat huwa li hu qatt ma sadd ħalq ħadd, imma dejjem ħalla lil kulħadd jgħid li jrid mingħajr biża’. Huwa sostna li l-liberta tal-kelma dejjem ħaddanha u jippretendi li llum jingħata l-istess liberta’.

Mingħajr ebda dubju, jekk Muscat jiddeċiedi li jitfa’ ismu bħala kandidat għall-elezzjoni li ġejja, hemm possibilita’ anzi ċertezza li jakkwista numru ta’ voti tant kbir, li saħansitra jgħaddi lil Robert Abela. Forsi hija din li ddejjaq ħafna lill-amministrazzjoni preżenti tal-Prim Ministru Robert Abela.

It-tieni ammissjoni tal-ġurnalista kienet lli Joseph Muscat bħala Prim Ministru ħadem kemm felaħ biex wettaq tibdil fil-pajjiż u kellu diversi suċċessi. Biss seta’ għamel tibdil drastiku fil-pajjiż, grazzi għall-maġġoranza kbira li gawda. Sfortunatament Muscat se jibqa’ mfakkar għal-lista l-griża li laqqat pajjiżna mill-FATF, għall-lista kbira ta’ nepotiżmu, għan-nuqqas enormi li kien hemm fl-ambjent u minħabba li ċertu affarijiet marru għall-agħar minflok għall-aħjar.

Muscat għadu jemmen li la l-Partit Laburista għadu jirrenja b’maġġoranza daqstant kbira li akkwista hu u la l-Gvern preżenti huwa l-istess li kien imexxi hu, allura ma jistax jemmen lil dawn in-nies li għadhom jikkritikaw bl-istess kantaliena ta’ meta kien hu Prim Ministru u ma jikkunsidrax is-surveys tat-Times of Malta stess, li għadhom jagħtu vantaġġ kbir lill-partit tiegħu.

Hawnhekk għandna botta lill-Prim Ministru kurrenti għax Muscat qed jgħid li l-Gvern preżenti għadu igawdi fuq dak li akkwista hu bħala Prim Ministru. Muscat jammetti li ċertu affarijiet setgħu kienu aħjar imma jkompli li wieħed irid iżomm f’moħħu li l-Gvern immexxi minnu, ħoloq l-aqwa tisħiħ ekonomiku fil-pajjiż u kien responsabbli għall-aqwa żidiet fil-kwalita tal-ħajja tan-nies mis-sebgħinjiet lil hawn. Kien ukoll l-aktar Prim Ministru li rċieva l-iktar kritika minħabba r-ritmu tal-bini għalkemm kien qed jaġixxi fuq dak li kien deċiż fl-2006 minn politiċi tal-Partit Nazzjonalista li għadhom fil-Parlament sal-lum. Hawn kien qed jirreferi ghar-rationalisation plan li kienet għamlet il-MEPA fejn daħħlet ħafna artijiet agrikoli fil-qasam tal-iżvilupp. Biss fuq dan l-argument Muscat ikkonkluda li huwa jippreferi li jkollu politika ta’ fejn jinbnew it-torrijiet milli kollox kif jiġi jiġi.

Mistoqsi għaliex il-Gvern ta’ Muscat kien iffoka kollox fuq il-flus, Joseph Muscat qal li l-kwalita tal-ħajja kienet marbuta mal-flus u hu jiftaħar li fl-era tiegħu bħala Prim Ministru rnexxielu joħloq ‘middle class’ ġdida. Wara li titlesta dik, kien kommess li jittakilja l-ambjent u affarijiet importanti oħra. Il-ġurnalista staqsa għaliex il-Gvern ta’ Muscat spiċċa nvolut fil-business wara li kien tant viċin il-businessmen, li fiha nfisha ma fiha xejn ħażin? Għaliex konna qed naraw ħafna nies tal-kummerċ jidqu lill-cameras ġewwa Kastilja, li kważi taħseb li kellhom uffiċini hemmhekk?

Issemmew Vitals, Jordanian investors u intqal li ma kienx hemm għassa fuq dawn l-affarijiet. Muscat qal li kemm dam hu Prim Ministru ħadem u rnexxielu jdaħħal sistemi ta’ governanza aħjar u bħala eżempju semma s-suġġerimenti tal-Kummissjoni Venezia. Hu semma kif tbiddlu l-liġijiet li kienu hemm staġnati mis-sittinijiet.

Hawn ikollna nammettu li Muscat ħarab jirrispondi li għalkemm daħlu l-liġijiet fuq il-karta, ma kienx hemm il-ħeġġa meħtieġa biex ikunu ntrodotti mill-att ta’ prattiċita’ jew li jiddaħħlu biżżejjed nies biex iwettquhom.

One thought on “Intervista ma’ Joseph Muscat: kapaċita’ li jirrispondi malajr mistoqsijiet diffiċli li kieku saru lil ħaddieħor kienu jsammruh

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *