Il-flus tal-PN

Blog post minn osservatur politiku

Qrajt b’interess kbir l-artikli fuq dan is-sit fejn issemma li Chris Peregin għandu team sħiħ miegħu biex jgħinu fl-istrateġija. Il-mistoqsija tiġi waħedha, jekk veru għandu dawk in-nies kollha miegħu, minn fejn qed jiġu l-flus biex jitħallsu dawn in-nies? Donnu saret xi ħaġa komuni li kull min jidħol jagħti l-għajnuna tiegħu fid-Dar Ċentrali jitniżżel mill-ewwel fuq il-lista ta’ dawk li jirċievu ċ-cheque fl-aħħar tax-xahar.

Żgur li mid-dehra ma fadalx problemi biex jitħallsu dawn in-nies kollha. Għalhekk tiġini f’moħħi dik iċ-ċirkulari mibgħuta mill-kap kurrenti tal-Partit Nazzjonalista, fejn wara li rringrazzjani ta’ meta sostnejt il-partit qabel ma laħaq hu, mela allura għaddewlu l-informazzjoni mill-uffiċċju finanzi tal-partit dwari, talabni biex inkompli nsostnieh ħalli jkun jista jissaħħaħ u jiġġedded biex ikun jista’ jikteb paġna ġdida. U uriena li mhux biss se jiġbor fil-maratoni imma ħoloq skema fejn inkunu nistgħu nfornu finanżjarjament ammont ta’ flus kull xahar.

U għalfejn qed jagħmel dan? Biex ikun jista’ jorganizza ruħu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. U min se jkun qed jitħallas ta’ dan? Mhux qed insemmi l-impjegati li ilhom hemm għal ħafna snin u dejjem jagħtu sehemhom mil-qalb. Imma għandi suspett kbir li kull min jersaq biex jagħti xi għajnuna, hi x’inhi qed jitħallas. Fejnhom il-voluntiera? Fejnu l-grupp ta’ strateġija li min jaf kemm ħadmu għal xhur sħaħ mingħajr ma rċevew ebda pagament, mingħajr ma kienu ta’ piż finanzjarju għall-partit? Fejnhom dawk in-nies kollha li kienu joffru saħħithom biex tinbena l-kampanja elettorali?

Illum b’idi fuq il-kuxjenza ma nagħti tort lil ħadd li ma jersaqx ‘l hemm. Illum ma nagħti tort lil ħadd li jħossu mdejjaq li meta tersaq lejn id-Dar Ċentrali tinduna li nħatfet f’idejn nies li ma kienux jidhru sa ftit tax-xhur ilu. Li d-Dar Ċentrali saret il-qalba ta’ dawk in-nies li sa sena ilu tant għamlu ħsara lill-partit bi kliemhom, bi ħsibiijiethom, bil-kitba tagħhom, bil-kliem tagħhom u bl-attitudni tagħhom.

Illum tmur hemm u joffrulek job. Tilqa’ n-nies ejja u titħallas, fir-reception ejja u titħallas, fil-customer care ejja u titħallas, maż-żgħażagħ ejja u titħallas, biex joħorġu t-tesseri ejja u titħallas.

Hawn min se jistaqsi, possibbli dawn qiegħdin jgħinu, imma jitħallsu kollha? Naħseb li kulħadd għandu dritt jiddubita imma mill-informazzjoni li ħierġa mid-Dar Ċentrali jidher li din hija verita’. U hawnhekk jibdew ġejjin il-mistoqsijiet bis-serjeta. Sa sena ilu kien hemm ftit nies bil-paga fid-Dar Ċentrali, in-naħa tal-partit. Sa sena ilu kien hemm limitazzjoni ta’ kemm setgħu jidħlu nies jaħdmu mal-partit. Sa sena ilu t-teżorier dak in-nhar qalilna li kien hemm l-inqas spejjeż biex jitmexxa l-uffiċċju tal-kap. Sa sena ilu kien hemm receptionists voluntiera u ma jitħallsux. Sa sena ilu kien hemm numru ta’ voluntiera jgħinu u qatt ma pretendew u ma ħadu ebda ċenteżmu. L-ispejjeż mid-dehra kienu taħt kontroll.

Illum l-ispejjeż kollha bla kontroll. X’ma jmorrux in-nies biex jgħinu? X’ma jmorrux in-nies jistennew il-viżitaturi? X’ma jmorrux in-nies jagħmlu t-telefonati fis-sezzjoni tal-customer care? X’ma jmorrux in-nies jaħdmu fuq it-tesseri? X’ma jmorrux in-nies iżommu d-data? Niftakkru sewwa lil Mintoff jgħid lill-Ministru tal-Finanzi tiegħu, ‘Aħleb Ġuż, għax hemm minn fejn’. U bil-wiċċ vili kollu jibgħatlek ċirkulari d-dar biex mill-paġa nagħti ammont ta’ flus biex jitħallsu tal-qalba. Biex mill-pensjoni nagħti ammont ta’ flus biex jitħallsu tal-qalba. Ħalluna tridux!

Kif tista’ tgħinkom meta tirrealizza li ġie abbandunat kull kontroll. Kif tista’ tgħinkom meta l-volontarjat ġibtuh imħallas. Kif tista’ tgħinkom li qed iżżiedu d-dejn u abbandunajtu kull strateġija finanżjarja li kien hemm. Kif tista’ tgħinkom meta qed nindunaw li kull min jersaq ‘l hemm irid ibil subajh u jistenna l-paga fl-aħħar tax-xahar. Kif tista’ tagħti tort lil dawk il-voluntiera li tant taw ħin lill-partit minn qalbhom, u llum isiru jafu li dak il-ħin volontarju dak in-nhar, illum qed jirrendi ċ-ċejċa lil min jagħmlu.

Kemm ikun utli li jekk iridu jkunu sinċieri magħna u jitolbuna l-flus, l-ewwel jagħtuna l-lista ta’ dawk in-nies kollha li qed jaħdmu fil-partit, humiex qed jitħallsu u jekk iva kemm qiegħdin jitħallsu. Nerġa’ nagħmilha ċara n-nies tal-partit għax ma nistenniex li dawk li ilhom jaħdmu fin-naħa tal-media tintmissilhom il-paga tagħhom. Elezzjoni ġejja u l-partit għandu bżonn pompa finanzjarja tajba, mhux il-media.

One thought on “Il-flus tal-PN

Leave a Reply

Your email address will not be published.