Joseph Muscat joħroġ jiddefendi l-legat tiegħu

Bogħod mill-għajn bogħod mill-qalb. Tgħid għalhekk Joseph Muscat aċċetta li jagħti intervista lil Herman Grech l-editur in chief ta’ The Times of Malta? F’dan l-artiku mhux ser nitkellem fuq dak li qal Joseph Muscat qal imma ser nipprova nifhem għalfejn mar jitkellem ma’ ġurnalist li qatt ma qagħad lura fil-kritika tiegħu lejh speċjalment wara li The Times ma baqgħetx tagħmel il-programmi tagħha tat-Times Talk fuq il-PBS.

Fil-fatt fl-ewwel kummenti tal-ġurnalist tat-Times intqal li kien ilhom ħames snin jiġru wara Joseph Muscat għall-intervista. Imma l-ġurnalista deher li kien kuntent għax aħjar xi darba milli qatt. Imma x’kienet ir-raġuni prinċipali għaliex Joseph Muscat mar jagħti intervista? Tgħid qed jibża li se jitlef il-popolarita tiegħu meta baqa’ daqshekk bogħod min-nies? Jista’ persuna politika tinqata’ daqstant minn nies, u timmaġina li se tibqa’ popolari? Onestament ma naħsibx li dan hu l-każ. Naħseb hu aktar il-każ li l-persuna li kienet wara Muscat f’dak li kienu pariri ta’ kif jittratta l-media ma għadux fix-xena. Din hija l-ikbar telfa għal Joseph Muscat. Nimmaġina li kienu dan il-persuna għadu hemm, ma naħsibx li kien jaqbel ma din id-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li jagħti din l-intervista.

Joseph Muscat irnexxielu jiġbed warajh iktar min-nofs l-elettorat Malti u Għawdxi. Irnexxielu jagħti l-akbar żewġ tkaxkiriet lill-partit oppost, li qatt ma rajna bħalhom ġo pajjiżna, żgur mill-Indipendenza ‘l hawn. L-isfortuna tiegħu li wara snin Prim Ministru l-qarnita kerha tal-korruzzjoni daret għalih u għal ta’ madwaru, b’tali mod li għalkemm qatt ma ġie mċappas direttament kellu jitlaq, jabbanduna, jwarrab mill-poter li tant ħadem għalih u li tant irnexxielu jakkwista.

Imma wara ħames snin imbiegħed minn ‘l hekk imsejjħa media indipendenti kellu jagħmel xi ħaġa biex juri li hu għadu ħaj, jeżisti jew attiv. Din ġie ftit aktar minn sena minn meta ħareġ mix-xena politika. Kien jaf li l-mistoqsijiet ser ikunu antipatiċi, imma għall-eżistenza politika tiegħu, xorta kellu jaffronthom għaliex forsi ħaseb li kien se jisparixxi għal kollox. Jekk dan kien il-każ, allura jkolli ngħid li għamel żball strateġiku

L-isfortuna fil-politika hi li n-negattiv jirbaħ dejjem fuq il-pożittiv, il-ħażin jirbaħ fuq it-tajjeb u kull azzjoni politika negattiva titfakkar iżjed minn kwalunkwe azzjoni pożittiva. Mela mar għand it-Times biex jgħid li hu għad għandu x’jagħti, li hu għadu ma jistax jinkiteb il-legat tiegħu għax għadu żgħir u fadallu x’joffri, li hu għad għandu s-saħħa li juża l-influwenza tiegħu meta jrid. Dan kien messaġġ ċar lis-suċċessur tiegħu li jista’ jerġa’ lura, li jista’ jerġa’ jidħol fl-arena politika, li jista’ jkollu effett fuq in-numri elettorali tal-poplu. Dan mhux bilfors li jawgura tajjeb lill-Partit Laburista.

Kull politiku jista’ jkollu ħajja politika qasira. Joseph Muscat mhux eċċezzjoni, imma mid-dehra dan hu ma jridux. Għalhekk reġa’ mar jitfaċċa l-attakki u l-kritika ta’ min dejjem ikkritikah bil-goff. Biss din id-darba mar wiċċ imb’wiċċ biex jirrispondi hu għal għemilu u mhux iħalli lil dawk li jikkritikawh mingħajr risposti.

Fil-fatt waqt l-intervista għamilha ċara li hu dejjem ħalla lil kulħadd fil-liberta li jitkellem u jikkritika, issa hemm bżonn li jħallu lilu wkoll jgħid li għandu jgħid u jagħti l-messaġġ jew jikkjarifika x’hemm fuq in-naħa l-oħra tal-munita. Biss ma nistax nifhem għala għażel The Times of Malta minn tant gazzetti oħra? Nifhem li qabel 2013, kien hemm ftehim ċar bejn Joseph Muscat u The Times. Dan ħareġ fil-pubbliku. The Times of Malta riedet il-bidla. Il-persuna wara dan kollu kien Keith Schembri. Il-mistoqsija tiġi waħidha. Qiegħed Muscat jipprova jreġġa’ l-arloġġ lura?

Joseph Muscat jaf li għadu żgħir u jaf ukoll li l-poplu jew l-elettorat itik il-popolarita. Imma huwa fatt li bħalissa hemm valanga ta’ kritika fuqu anki fi ħdan il-Partit Laburista stess. Minn din l-intervista, jidher li Muscat għad għandu d-determinazzjoni li joħroġ ifuħ minn din il-burraxka kollha. Hu għad għandu l-imħabba lejn il-partit tiegħu li jibqa’ jissielet biex juri li hu għamel ħafna ġid lill-Partit Laburista u lill-pajjiż.

Din l-intervista wrietna ħafna. Sirna nafu li Joseph Muscat għadu determinat li jerbaħ din il-ġlieda kerha. Għadu ħerqan li ma jħallix il-ħażin li wettaq, għax ammetta li jiddispjaċih għal xi deċiżżjonijiet li ħa, joskura dak it-tajjeb li laħaq għamel. Imma hu għandu konvinzjoni li jibqa’ mfakkar fl-istorja, bħala Prim Ministru li ħa aktar deċiżżjonijiet tajba milli ħżiena, li għamel ħafna aktar ġid milli deni, li meta kien fil-poter ħadem kemm felaħ għall-poplu Malti u mhux kisser lill-poplu Malti.

Il-legat tiegħu għadu lura biex jikkonkludih. L-istorja għadha lura biex tiġġudikah. Imma Joseph Muscat irid iżomm f’moħħu li l-istorja tinkiteb waqt li l-legat ikun qed jissawwar. Nisperaw li min janalizza u fl-aħħar jikteb l-istorja tal-pajjiż, ikun fidil lejn il-verita’ u xejn aktar mill-verita’.

4 thoughts on “Joseph Muscat joħroġ jiddefendi l-legat tiegħu

  1. My belief is that Joseph Muscat will contest the next MEP election in 2024 maybe as independent candidate.

  2. Jm huwa bniedem mahbub mill maltin kollha u nemen li jekk jerga johrog jerga jitla aktar bsahtu min qatt qabel

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *